Ira, Kurt u Gianluca – Ambaxxaturi tal-Qari

Ira Losco, Gianluca Bezzina u Kurt Calleja għandhom bosta affarijiet komuni. It-tlieta li huma kantanti popolari li riċentament anke ħarġu diski ġodda u l-istess tlieta kellhom iċ-ċans jirrapreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest.

Issa, Ira, Gianluca u Kurt saru ukoll l-Ambaxxaturi tal-Qari. F’attività fi Triq Bisazza, li għaliha attendew bosta tfal u ġenituri, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, flimkien ma’ Aġenda Bookshop organizzaw attività ta’ qari.

Kurt Calleja tkellem ma’ Newsbook fejn spjega li grazzi għall-fama li ħa, issa hu ukoll jista’ jagħti kontribut fis-soċjetà billi jkun ta’ eżempju għat-tfal kollha.

Spjega li għalih il-qari dejjem kien importanti u ta’ għajnuna biex jiżviluppa l-immaġinazzjoni tiegħu.

Il-Professur Charles Mifsud se jkun qed imexxi l-istrateġija għar-riforma fil-litteriżmu. Huwa spjega li l-proċess ta’ konsultazzjoni biex jitħejja rapport dettaljat dwar l-illiteriżmu f’Malta beda f’April li għadda.

Ir-rapport huwa frott ta’ working groups konsultattivi. Issa, grazzi għar-rapport imħejji, bdew joħorġu l-ewwel riżultati. Il-Professur Mifsud qal li dawn ir-rapporti juru emfasi fuq l-ewwel snin tat-tfulija u l-importanza ta’ qari mal-ġenituri.

F’Malta, 36% ta’ dawk li għandhom 15-il sena ma jafux jaqraw kif suppost. Fir-rapport, dawn huma meqjusa bħala “struggling readers”. Il-persentaġġ ta’ din l-istess kategorija fl-Ewropa huwa ta’ 19.7%.

Permezz tal-ambaxxaturi tal-qari u proġetti oħra, il-mira hi li l-persentaġġ tal-“istruggling readers” tonqos kemm jista’ ikun.