Ir-wrestling servizz essenzjali fi Florida

Sports professjonali fi Florida fl-Istati Uniti issa qed jitqiesu bħala servizzi essenzjali wara li l-Gvernatur tal-Istat ta l-barka tiegħu biex dawn jerġgħu jibdew waqt il-pandemija tal-koronavirus. Għalhekk dawn tpoġġew ukoll mas-servizzi essenzjali l-oħra fl-Istat bħall-grocers, l-isparijiet, il-banek u r-ristoranti li baqgħu għaddejjin jaħdmu.

Madankollu l-permess ngħata lil dan l-isport jekk il-post fejn isir ikun magħluq għall-pubbliku ġenerali iżda jista’ jintwera fuq it-televiżjoni. Ir-raġuni li ngħatat kienet li dan is-servizz essenzjali huwa meħtieġ għall-ekonomija ta’ Florida.

Il-World Wrestling Entertainment kompla l-bieraħ it-Tnejn wara ġimgħat li fuq it-televiżjoni ntwerew biss filmati ta’ wrestling li kienu saru ġimgħat qabel.

Il-WWE qalu li huma jemmnu li l-poplu għandu jkun provdut b’dan l-isport biex inessih ftit mill-preokkupazzjoni ta’ bħalissa dwar il-marda tal-koronavirus. Huma se jkunu jipprovdu kontenut fejn ikunu preżenti biss dawk li huma essenzjali biex jinġibdu l-ġlidiet waqt li jiżguraw is-saħħa tal-ġellieda u tal-impjegati tagħhom.

“Il-WWE hija magħġuna fis-soċjetà,” qalu fi stqarrija. “Il-WWE u s-Superstars tagħha jġibu l-familji flimkien u jwasslu sinjali ta’ tama, determinazzjoni u perseveranza.”

L-Istat ta’ Florida hu taħt lockdown sal-aħħar ta’ April. B’hekk huma limitati attivitajiet barra mid-djar ħlief għal dawk meqjusa essenzjali.