Ir-Ryanair tkeċċi 250 ħaddiem minn 4 uffiċini

Read in English.

Il-kumpanija tal-ajru Rynair ikkonfermat li se tkun qed tkeċċi xi ħaddiema mill-uffiċini tagħha f’Dublin, Stansted, Madrid u Wraclaw. Fi stqarrija, il-kumpanija spjegat li dawn jammontaw għal aktar minn 250 ħaddiem b’kuntratti varji, fosthom fissi u dawk li kienu għadhom fuq probation.

Jidher li kien hemm ukoll numru ta’ ħaddiema li rreżenjaw minn jeddhom. Ryanair spjegat li dan minħabba li meta l-uffiċini jerġgħu jiftħu fl-1 ta’ Ġunju, dawn il-persuni ma kienx se jkun hemm bżonnhom.

Il-kumpanija Ryanair ħaddmet inqas minn 1% tat-titjiriet li kien se jkollha skedati bejn April, Mejju u Ġunju. Din il-ġimgħa ħabbret li minn Lulju, se tkun qed tara ritorn ta’ 40% tal-iskeda tagħha mill-maġġoranza tal-bażijiet Ewropej tagħha.

Il-People Director tar-Ryanair, Darrell Hughes qal li l-kumpanija qed tistenna li se tara vjaġġar ta’ inqas minn 100 miljun passiġġier. Qabel ma feġġet il-pandemija, il-kumpanija kienet qed tistenna mal-155 passiġġier sa Marzu tal-2021.

Hu kompla billi spjega li qed ikomplu jiltaqgħu mal-unjins tal-piloti u l-ekwipaġġ madwar l-Ewropa sabiex jiffinalizzaw mat-3,000 tmiem tal-impjieg u 20% tat-tnaqqis fil-pagi. Intant qalet li issa spiċċat tikkompeti ma’ linji tal-ajru li rċevew sussidji u għajnuna finanzjarja mill-istati fejn joperaw u b’hekk se jkunu jistgħu joffru titjiriet aktar imraħħsin. Hu ddeskriva din l-għajnuna bħala illegali.

Temm jgħid li l-kumpanija se tkun qed tħabbar aktar tkeċċijiet qabel it-tmiem ta’ Mejju fid-dawl ta’ aktar restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn