Ir-rwol ta’ Mons. Alfred Xuereb fil-Vatikan jiġi deċiż mill-Papa l-ġdid

Hekk kif nhar il-Ħamis il-Papa Benedittu XVI jirriżenja mir-rwol tiegħu, is-saċerdot Malti, Mons Alfred Xuereb, li huwa l-Assistent Segetarju Personali tal-Papa, mistenni jakkumpanjah f’Castelgandolfo.

Bi tweġiba għal mistoqsijiet ta’ Newsbook, il-kelliem tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi qal li wara li jasal Castelgandolfo, Monsinjur Xuereb ikun imħejji biex jagħti s-servizz li jintalab li jagħti.

Ikun il-Papa l-ġdid li jieħu d-deċiżjoni dwar ir-rwol tas-saċerdot Malti fil-Vatikan.

Patri Lombardi spjega li fil-passat, l-assistent Segretarju tal-Papa Ġwanni Pawlu II, Mons Mietek, intalab biex għal xi żmien jakkumpanja l-Papa ġdid Benedittu XVI bħala Assistent Segretarju. Dan sabiex seta’ jgħin lil Papa, lis-Segretarju Personali tiegħu Mons Georg, kif ukoll lill-‘familja tal-Papa’ biex jidraw il-ħajja ta’ kuljum fil-Vatikan.

Il-kelliem tal-Vatikan, Patri Lombardi qal li jkun xieraq li kulħadd ikun prudenti u ma jsirux spekulazzjonijiet dwar ir-rwol il-ġdid ta’ Monsinjur Xuereb.

Fir-ritratt, Mons Xuereb jidher fuq il-lemin tar-ritratt waqt li l-Papa Benedittu XVI attenda għall-Eżerċizzi Spiritwali fil-Vatikan il-ġimgħa li għaddiet.