Ir-Russja u l-Punent iridu jneħħu d-differenzi bejniethom biex ikun hawn il-paċi

Il-paċi u l-waqfien tal-konflitti madwar id-dinja għandhom jitpoġġew fuq kull interess nazzjonali fejn jidħlu r-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-pajjiżi tal-Punent.  Dan sostnih il-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan.
Il-Kardinal Parolin mistenni jżur ir-Russja lejn tmiem dan ix-xahar. Hu qal li l-problemi bejn ir-Russja u l-Punent nitkellmu fuqhom bħallikieku dawn huma żewġ dinjiet differenti, bil-valuri tagħhom, l-interessi tagħhom, kburija nazzjonali u anke bil-kunċetti speċifiċi tagħhom tal-Liġi Internazzjonali.
“L-isforz biex nifhmu lil xulxin ma jfissirx li wieħed għandu jċedi u jaċċetta l-pożizzjoni tan-naħa l-oħra. Ifisser li jrid ikun hemm djalogu kostruttiv, bil-paċenzja u fl-istess ħin b’rispett lejn xulxin”, qal f’intervista il-Kardinal.
Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan qal li s-Santa Sede se tkompli tinkoraġixxi lir-Russja u lill-pajjiżi tal-Punent biex jidħlu fi djalogu serju flok joqgħodu jsemmu l-interessi speċjali tagħhom li huma l-karatteristika “ta’ dan iż-żmien fejn kulħadd qed jirritorna għan-nazzjonaliżmu li ma jħalliniex naħdmu biex nevitaw il-possibbilta’ ta’ katastrofi.”
Mistoqsi dwar l-amministrazzjoni tal-President Amerikan Donald Trump, il-Kardinal Parolin qal li din l-amministrazzjoni “tant hi differenti u unika li jrid jgħaddi ż-żmien biex issib il-bilanċ tagħha nnifisha”. Irridu ż-żmien biex niġġudikaw din il-Presidenza.  Ma nistgħux ngħaġġlu. Ġudizzju bħalissa jkun wieħed mgħaġġel.
Madankollu l-Kardinal Parolin wera t-tama li l-Istati Uniti u pajjiżi oħra jerfgħu r-responsabbiltajiet internazzjonali tagħhom fuq temi importanti, speċjalment l-impenn biex jitrażżan it-tibdil fil-klima.