Ir-Russja tivvota għall-president f’tiġrija kważi diġà mirbuħa

Illum ir-Russja qed tivvota għall-President il-ġdid tal-pajjiż, hekk kif dak attwali, Vladimir Putin, jidher li mhux se jkollu xi taqtiegħa kbira biex jerġa’ jkun president għar-raba’ darba konsekuttiva.
L-ivvutar beda lbieraħ għall-ħabta tad-9pm, ħin Malti, fil-parti tal-Lvant imbiegħed tal-pajjiż, imbagħad fetaħ 9 sigħat wara f’Moska, il-kapitali.
B’kollox hemm 8 kandidati għal waħda mill-aktar pożizzjonijiet influewenti fid-dinja, għalkemm kif diġà ntqal, jidher li ma tantx hemm dibattitu dwar min se jirbaħ.
Il-kandidati huma Ksenia Sobchak, Sergey Baburin, Pavel Grudinin, Vladimir Zhirinovsky, Maxim Suraykin, Boris Titov, Grigory Yavlinsky u Vladimir Putin.
Tajjeb jingħad li l-aktar persuna li setgħet toffri sfida lil Putin, Alexei Navalny, figura prominenti fl-Oppożizzjoni Russa, ma tħalliex jikkontesta minħabba allegazzjonijiet ta’ frodi. Navalny dejjem qal li dawn l-allegazzjonijiet kienu mmotivati politikament apposta biex ma jħalluhx jikkontesta.
Sadanittant, ir-riżultati mistennija joħorġu l-Ħadd filgħaxija.