Ir-Russja tirtira t-truppi mill-fruntiera mal-Ukraina

F’nofs il-kriżi Ukrena, Vladimir Putin ordna lit-truppi Russi biex jirtiraw fil-bażijiet tagħhom.  Fis-26 ta’ Frar li għadda, ir-Russja bdiet ħidma militari fil-fruntiera mal-Ukraina. 
F’din il-ħidma involviet 150,000 suldat, 90 ajruplan, 120 ħelipter, 880 tank tal-gwerra, 80 bastiment u iktar minn 1,200 vettura militari oħra.
Minħabba s-sitwazzjoni fl-Ukraina, l-Istati Uniti ssospendiet il-ftehimiet kummerċjali u militari li kellha mar-Russja. 
Il-President Amerikan Barack Obama akkuża lil Vladimir Putin li jinsab “fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja” waqt li għall-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, Putin tilef il-kuntatt mar-realtà. 
Iktar tard, Putin qal li għalissa ma jħossx il-bżonn li jibgħat il-forzi Russi jinvadu l-Ukrajna u li dawn għandhom jintużaw biss f’każi ta’ emrġenza.
Minkejja dan, jemmen li r-Russja għandha kull dritt tuża l-metodi kollha neċessarji sabiex tipproteġi ċ-ċittadini fl-Lvant tal-pajjiż.
Huwa ċaħad l-akkużi li t-truppi Russi imblukkaw l-Ukreni fil-Krimea. Qal li dawn kienu biss forzi ta’ awto-difiża.
Putin sejjaħ ukoll il-waqgħa tal-President Viktor Yanukovych fil-kapital Kiev “kolp anti-kostituzzjonali u sekwestru armat tal-poter”.