Ir-Russja tirtira minn ftehim dwar għajnuna umanitarja fis-Sirja

REUTERS/Brendan McDermid

Ir-Russja ħabbret li rtirat minn arranġament volontarju tan-Nazzjonijiet Uniti intiż li jipproteġi l-isptarijiet u li t-twassil ta’ għajnuna umanitarja fis-Sirja ma jintlaqatx mill-partijiet kunfliġġenti.

Ir-Russja ħadet din id-deċiżjoni wara li inkjesta interna tan-N.U. f’April sabet li kien “mill-aktar probabbli” li l-Gvern Sirjan u l-alleati tiegħu wettqu attakki fuq tliet faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, skola u rifuġju tat-tfal fil-Majjistral tal-pajjiż is-sena li għaddiet.

L-Ambaxxatur tar-Russja għan-N.U. Vassily Nebenzia akkuża lil “gruppi differenti tal-Oppożizzjoni u terroristi” li abbużaw mill-proċess umanitarju. Ir-Russja temmen li n-Nazzjonijiet Uniti għandha tipprovdi kull informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet Sirjani.

“Aħna ma narawx dan l-irtirar bħala theddida għall-ħaddiema umamintarji li hemm fil-post jekk l-informazzjoni li tingħata tkun preċiża u ta’ min jafdaha” sostna Nebenzia.

Ir-Russja provdiet appoġġ militari lill-President Sirjan Bashar al-Assad fil-gwerra ċivili, li kienet faqqgħet fl-2011 wara li dan fittex li jwaqqaf bis-saħħa d-dimostranti ta’ favur id-demokrazija. Kemm ir-Russja kif ukoll is-Sirja sostnew li l-forzi tagħhom mhumiex qed jimmiraw persuni jew infrastruttura ċivili u tefgħu dubji fuq is-sorsi li qed jintużaw min-Nazzjonijiet Uniti biex jivverifikaw l-attakki.

Skont il-ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti, siti appoġġjati min-NU u siti umanitarji oħra bħal sptarijiet u ċentri tas-saħħa ngħatat lill-partijiet differenti involuti fil-gwerra bl-għan li jkunu mħarsa. Iżda n-Nazzjonijiet Uniti qed tissusspetta li pjuttost dawn spiċċaw fil-mira.

F’nota lill-gruppi umanitarji, uffiċjal tan-Nazzjonijiet Uniti kkonferma l-irtirar tar-Russja u esprima t-tħassib tiegħu, u qal li l-organizzazzjoni qed teżamina l-impatt ta’ dan id-deċiżjoni għall-persunal umanitarju u l-operazzjonijiet fis-Sirja.

In-Nazzjonijiet Uniti qalet li se tkompli tiddiskuti din is-sitwazzjoni mar-Russja u fakkret li l-partijiet kollha xorta huma obblgiati jirrispettaw il-liġijiet umanitarji internazzjonali.

Louis Carhbonneau, Direttur tan-Nazzjonijiet Uniti għal Human Rights Watch sostna li “jekk ir-Russja taħseb li b’daqshekk mhux se tkun responsabbli għall-krimini tal-gwerra, qed jiżbaljaw bl-ikraħ”. 

“Aħna u gruppi oħra se nkomplu ninvestigaw u niddokumentaw il-bumbardament immirat ta’ sptarijiet u krimini gravi oħra fis-Sirja” żied jgħid.