Ir-Russja tirbaħ il-Junior Eurovision 2017, Malta t-tieni fit-televoting

Ir-Russja kisbet it-trofew tal-Junior Eurovision 2017 bil-kanzunetta Wings. Din hija t-tieni darba li r-Russja kisbet l-ewwel post fil-Junior Eurovision 2017.
Din ir-rebħa tiġi ftit xhur wara li r-Russja ma ħaditx sehem fl-aħħar edizzjoni tal-Festival tal-kbar li sar fl-Ukrjana.
Fi Tbilisi fil-Ġorġja ħadu sehem 16-il kantant u kantanta.
Il-Malti Gianluca Cilia kanta l-kanzunetta Dawra Tond kitba ta’ Emil Calleja Bayliss u Dominic Cini.
Il-kanzunetta intlaqgħat tajjeb ħafna u ħafna ħassew il-qawwa tal-vuċi tat-tifel Malti u l-kunfidenza li wera fuq il-palk.
Skont il-ġurija tat-tfal Malta ftit kisbet punti apparti t-12-il punt tal-Italja.
Fl-istess ħin fit-televoting Malta kisbet it-tieni l-ogħla punteġġ tan-nies li vvutaw mid-dar.
Kif tħabbar waqt is-serata s-sistema tal-votazzjoni online li kienet ilha qed tiġi msemmija bħala innovazzjoni tas-serata u li biha l-pajjiżi setgħu jivvutaw lilhom stess, ma ħadmitx.
Din kienet ukoll l-ewwel sena li min se jirbaħ diġa jaf fejn se jsir il-Festival. Dan wara li ftit ġimgħat qabel, l-EBU ħabbret li fl-2018 se jsir fil-Belarus. Il-post tħabbar qabel biex il-pajjiż li se jospita s-16-il edizzjoni jkun jista’ jibda jipprepara u jkollu iżjed żmien.
Malta rebħet il-Junior Eurovision fl-2013 b’Gaia Cauchi u fl-2015 b’Destiny Chukunyere. 
Ritratti: Thomas Hansen – EBU