Ir-Russja tinkorla bl-aħrax lill-US, Franza u r-Renju Unit

Ir-Russja waqqfet riżoluzzjoni mressqa mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza waqt il-Kunsill tas-Sigurtà fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda (UN). Ir-riżoluzzjoni kienet tipproponi li s-Sirja tikkopera mal-UN f’investigazzjoni fuq l-art mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi, sabiex jinstab min kien il-moħħ wara l-attakki kimiċi tal-ġimgħa l-oħra.
F’dan il-kunsill, ir-Russja, flimkien ma’ pajjiżi ewlenin oħra, għandha l-qawwa li jekk kulħadd jivvota favur riżoluzzjoni iżda hi biss tkun kontra, ir-riżoluzzjoni ma tgħaddix. Dan jissejjaħ il-qawwa tal-veto.
It-tliet pajjżi li pproponew ir-riżoluzzjoni dehru rrabjati ferm, hekk kif il-mibgħut għar-Russja fi ħdan il-UN, Vladimir Safrinkov, għolla idu waqt ħin il-vot biex juri n-nuqqas ta’ qbil tiegħu, u tar-Russja.
Din kienet it-tmien darba fis-sitt snin li ilu għaddej il-kunflitt fis-Sirja, li r-Russja ddefendiet lis-sieħba tagħha s-Sirja.
Safrinkov qal li vvota kontra għax ir-riżoluzzjoni proposta kienet qed twassal il-messaġġ, mingħajr ma tgħidu direttament, li l-Gvern Sirjan kien li attakka lill-poplu tiegħu b’armi kimiċi.
Ftit biss wara li seħħ l-attakk f’Idlib li ħalla aktar minn 80 mejta, fosthom ħafna tfal, il-pajjiżi tal-Punent kollha ppuntaw sebagħhom lejn Bashar al-Assad, il-President Sirjan, ewlenin l-Istati Uniti u Franza.
Sa issa ħadd għadu ma refa’ r-responsabbiltà tal-attakk.
Tajjeb jingħad li flimkien mar-Russja kien hemm il-Bolivja li vvutat bħalha, kif ukoll iċ-Ċina, l-Etjopja u l-Każakstan li astjenew.
Fir-ritratt: Safrinkov waqt il-mument li vvota biex waqqaf kollox