Ir-Russja tieħu l-kontroll tal-kwartieri tal-armata fil-Krimea

Attivisti favur ir-Russja ħadu l-kontroll tal-kwartieri ġenerali tal-armata Ukrena fil-belt ta’ Sevastopol fil-Krimea.
Hu rrappurtat li madwar tnax-il persuna fi ħdan l-armata Ukrena dehru ħerġin ‘l barra mill-kwartieri ġenerali fil-Krimea.
L-attivisti tellgħu l-bandiera Russa fil-bażi navali f’mument ta’ tensjoni, iżda mingħajr ġlied.
Tliet persuni armati li iżda ma kienux bl-uniformi kienu fid-daħla tal-bażi navali.
Madanakollu, l-aġent Ministru tad-Difiża Ukren qal li l-forzi tal-pajjiż mhux se jitneħħew mill-Krimea.
Dan minkejja li l-President Russu Vladimir Putin iffirma trattat biex dan ir-reġjun jagħmel parti mir-Russja.
Intant, żagħżugħ ta’ 17-il sena kien arrestat b'rabta mal-isparatura li lbieraħ ħasdet il-ħajja ta’ suldat Ukren fil-Krimea.