Ir-Russja terġa’ tuża l-veto biex timblokka riżoluzzjoni tal-UN dwar l-armi kimiċi fis-Sirja

Ir-Russja użat il-qawwa tal-veto biex ma tħallix tgħaddi riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda (UN) li riedet li tiġi estiża missjoni li tinvestiga min kien wara l-użu tal-armi kimiċi fis-Sirja.
F’April li għadda f’Khan Sheikhun, attakk b’armi kimiċi ħalla għexieren ta’ mejtin u midrubin, u qanqal ir-rabja ta’ bosta pajjiżi oħra. Filmati mill-midja internazzjonali wrew tfal mejtin, u oħrajn bir-ragħwa f’ħalqhom jokorbu mal-art.
Ħafna kienu l-akkużi li l-Gvern Sirjan wettaq dan l-attakk, u r-Russja, il-ħabiba tas-Sirja, użat il-veto għad-disa’ darba biex timblokka miżuri kontra l-vern Sirjan.
Il-mandat tal-Joint Investigative Mechanism se jiskadi f’nofs Novembru, u r-Russja għamlet hekk għax qalet li tixtieq iż-żmien biex tikkunsidra xogħol il-missjoni, u jekk għadx hemm bżonnha.
U dan kollu jum qabel tippubblika r-rapport tagħha dwar l-attakk f’Khan Sheikhun.
L-Ambaxxatur Russu għan-Nazzjonijiet Magħquda, Vassily Nebenzia, qal li dan kien tentattiv biex isir diżunur lir-Russja, iżda l-vot tiegħu bl-ebda mod mhu se jinfluwenza kif il-mekkaniżmu msemmi jaħdem fil-futur.
Sadanittant, l-Ambaxxatur Amerikan għan-Nazzjonijiet Magħquda, Nikka Haley, irrimarka li għal darb’oħra r-Russja qed tkun fuq in-naħa tat-terroristi u d-dittaturi li użaw dawn l-armi.