Ir-Russja tappella lis-Sirja sabiex jiġu rtirati u distrutti l-armi kimiċi

Ir-Russja appellat lis-Sirja sabiex tikkollabora mal-Forzi Internazzjonali u twarrab l-armamenti kimiċi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha. Ir-Russja li għal dawn l-aħħar sentejn u nofs ta’ gwerra ċivili fis-Sirja iddikjarat l-alleanza tagħha mar-reġim ta’ Bashar al-Assad, f’iżvilupp riċenti ħeġġet sabiex mhux biss jiġu rtirati l-armi kimiċi iżda saħansitra jiġu distrutti għal kollox.

F’ laqgħa li l-Ministru tal-Affarijiet barranin Russu, Sergei Lavrov kellu mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Sirjan Walid Muallem, Lavrov appella sabiex is-Sirja tieħu l-passi kollha neċessarji sabiex jiġi evitat intervent militari mill-Istati Uniti. Minn naħa tiegħu Muallem irringrazzja lir-Russja li baqgħet tiddefendi lill-poplu Sirjan minn intervent militari u qal li se jkun qed jieħu l-parir tar-Russja.

F’reazzjoni għal dan l-iżvilupp, il-Prim Ministru Ingliż David Cameron qal li jekk vera s-Sirja tagħżel li tiddistruġġi għal kollox l-armi kimiċi, ikun verament qed isir pass ‘il quddiem lejn il-paċi fir-reġjun, madankollu huwa wissa li din tista’ tkun biss mossa tattika ta’ distrazzjoni.