Ir-Russja takkuża lill-Istati Uniti bi ndħil fl-elezzjoni presidenzjali

Ir-Russja akkużat lill-Istati Uniti li qed tipprova tbagħbas fl-elezzjoni presidenzjali tagħha, wara l-kummenti li d-Dipartiment tal-Istat tal-Amerka għadda dwar il-projbizzjoni ta’ kandidat mill-elezzjoni.
Il-mexxej tal-Oppożizzjoni fir-Russja, Alexei Navalny, ma tħalliex jikkontesta fl-elezzjoni presidenzjali minħabba li nstab ħati li ħa xi flus għalih minn kumpanija tal-istat fis-settur tal-injam lura fl-2013.
Hu ngħata 5 snin priġunerija sospiżi, iżda kien irrimarka li dan kollu kien immotivat politikament biex ixekklu milli jikkontesta lil Putin.
Huwa u jindirizza aġenzija tal-aħbarijiet immexxija mill-Istat Russu, kelliem għall-Istati Uniti wera tħassib għal dak li ddeskriva bħala r-restrizzjonijiet ta’ vuċijiet ħielsa fir-Russja.
Għal dan il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Maria Zakharova, ikkundannat din l-istqarrija fuq Facebook, meta kitbet li dak li qal il-kelliem jammonta għal interferenza diretta fil-proċess elettorali Russu.
“Il-ħaġa tad-daħk hija li dawn huma l-istess nies li laqqmu ġurnalisti ta’ Russia Today u Sputnik bħala aġenti, li qed jiffastidjaw lill-midja Russa madwar id-dinja, u li jinvestu ammonti kbar ta’ flejjes biex jiġġieldu dik li jsejħulha l-aġenda Russa”, qalet il-Ministru.
Temmet tgħid li l-Istati Uniti tlaqqam lil kull min ma jaqbilx magħha bħala parti mill-propoganda Russa.
Il-kummenti tal-Ministru Russu jieħdu laqta kemxejn gravi, u l-aktar minħabba allegazzjonijiet ta’ ndħil mir-Russja fl-elezzjoni presidenzjali tas-sena l-oħra fl-Istati Uniti, li rat lil Donald Trump isir il-45 president tal-pajjiż.
Fir-ritratt: Alexei Navalny