Ir-Russja f’diskussjonijiet mal-Ukraina dwar il-prezz tal-gass

Kelliem għall-Presidenza Russa Dmitry Peskov qal li t-taħdidiet dwar il-prezz taż-żejt mal-Presidenza Ukrena mistennija jkomplu f’data iktar tard. Dan wara li nħolqu xi differenzi dwar il-prezz taż-żejt bejn iż-żewġ pajjiżi. Sadanittant għadhom għaddejjin protesti fil-kapitali Ukrena Kiev kontra l-Gvern Ukren minħabba d-deċiżjoni tiegħu li jwaqqaf trattat ta’ sħubija mal-Unjoni Ewropea.

Il-President Russu Vladimir Putin talab lill-President Ukren sabiex jiddiskuti miegħu ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi, li għandu jwassal għal unjoni doganali mar-Russja flimkien mal-Belarus u l-Kazakistan.

L-Ukraina tiddependi mill-importazzjoni tal-gass mir-Russja u l-kumpannija Russa Gazprom qalet li l-gvern Ukren waqa’ lura fil-pagamenti tal-importazzjoni tal-gass. Minħabba f’hekk il-kumpanija Gazprom fl-2009 qatgħet temporanjament il-provvista tal-gass lill-Ukraina, liema gass jiġi ppumpjat f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

L-organizzaturi tal-Protesti f’Kiev qegħdin ibassru li 300,000 persuna ser jinġabru fil-pjazza prinċipali ta’ Kiev għal aktar protesti kontra l-Gvern. Id-dimostranti Ukreni qed ipoġġu tliet kundizzjonijiet għan-negozjar mal-President Yanukovic li jinkludu r-reżenja tal-gvern tiegħu, il-ħelsien tad-dimostranti li ġew arrestati u piena ħarxa fuq min kien responsabbli mis-swat fuq id-dimostranti.