Ir-Russja b’liġi li jiġu arrestati dawk li jħeġġu żgħażagħ jipprotestaw

Fir-Russja ġie approvat abbozz ta’ liġi li jekk jgħaddi iffisser li se jkun illegali li tħeġġeġ iż-żgħażagħ sabiex jinżlu fit-toroq jipprotestaw. Alexei Navalny, kritiku tal-Kremlin saħaq li din kienet mossa biex ixxekkel l-attività tiegħu.

Navalny, li għandu 42 sena u huwa avukat jaspira li jilħaq president flokk Putin. Huwa kiseb is-sapport taż-żgħażagħ Russi li hemm minnhom jattendu l-protesti nazzjonali organizzati minnu stess.

Il-Pulizija kemm il-darba użat il-forza u arrestaw persuni inkluż żgħażagħ li attendew il-protesti.  Il-Kremlin akkuża lil Navalny li qed jimmanipula iż-żgħażagħ biex jirbaħ punti politiċi.

Il-liġi l-ġdida qed tipproponi li jidħlu fis-seħħ multi li jammontaw għal ftit iktar minn €650 jew sentenza ta’ 15-il ġurnata ħabs għal dawk li jħeġġu żgħażagħ taħt it-18-il sena biex jattendu protesti li ma jkunux awtorizzati. Kumpaniji jew organizzazzjonijiet li jħeġġu minuri biex jattendu protesti jistgħu jeħlu sa €6568 f’multa taħt il-liġi l-ġdida.

Attivisti li jixtiequ jipprotestaw kontra l-Kremlin diġà jaffaċċjaw diversi restrizzjonijiet, li tinkludi li wieħed jeħtieġ il-permess għall-ħin u l-post fejn se ssir il-protesta mill-awtoritajiet. L-awtoritajiet diversi drabi jirrifjutaw li jagħtu l-permess minħabba raġunijiet tekniċi jew iħeġġu lill-organizaturi jfittxu postijiet alternattivi ġeneralment il-bogħod minn fejn ikunu jista’ jarahom il-pubbliku.