Ir-Russja akkużata bit-tixrid tal-propoganda u l-informazzjoni falza

Il-konsulent tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump għas-sigurtà nazzjonali, Herbert Raymond McMaster, akkuża lir-Russja talli qed tuża' l-propoganda u t-tixrid ta’ informazzjoni falza kontra pajjiżi demokratiċi.
Il-konsulent qal li l-allegat indħil Russu fl-elezzjonijiet tal-Istati Uniti huwa theddida għas-sigurtà nazzjonali. Huwa sejjaħ lill-kampanja Russa bħala waħda li qed taħdem kontra soċjetajiet ħielsa u miftuħa.
McMaster qal mal-BBC li l-Istati Uniti trid tagħraf sew dak li qed tagħmel ir-Russja. Qal li l-imġieba tar-Russja, dik li trid tnaqqas l-istabbilità, trid tiġi miġġielda.
McMaster żied jgħid li jemmen li r-Russja qed twettaq kampanja elaborata biex tiġi influwenzata l-kunfidenza tan-nies fl-istituzzjonijiet demokratiċi u fl-elezzjonijiet.