Ir-Russi varaw l-emblema għat-Tazza tad-Dinja tal-2018

Meta għad fadal tliet snin u tmien xhur għall-bidu tal-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fir-Russja, ġiet inawgurata l-emblema uffiċjali.
Dan l-avveniment storiku ġie mmarkat bi tliet astronawti Russi li varaw l-emblema mill-ispazju u fl-istess ħin saret projezzjoni mill-aqwa, b’effetti mill-isbaħ tad-dawl, fuq il-faċċata tat-Teatru Bolshoi f’Moska.
Dan l-ispettaklu msejjaħ Late Night Mundial, it-Tlieta filgħaxija ġab flimkien ħdax-il belt Russa li se jospitaw l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja bejn Ġunju u Lulju tal-2018.
Il-preżentatur Russu Ivan Urgant kellu miegħu lill-President tal-FIFA Sepp Blatter, iċ-ċermen tal-kumitat organizattiv Vitaly Mutko u l-captain tat-tim nazzjonali Taljan rebbieħ tal-edizzjoni tal-2006 Fabio Cannavaro.