Ir-Russi jivvutaw f’dak li qed jitqies bħala Kolp Kostituzzjonali

Sputnik/Alexei Nikolsky/Kremlin via REUTERS

Read in English.

Ir-Russi bdew jivvutaw fuq perjodu li se jdumu sebat ijiem dwar riformi importanti li jistgħu jwasslu għall-possibilità lill-President Vladimir Putin biex jibqa’ fil-Kremlin sal-2036 jekk jerġa’ jiġi elett mill-ġdid, att meqjus bħala kolp kostituzzjonali.

Il-vot qed iseħħ minkejja tħassib fil-kamp tal-oppożizzjoni dwar is-sikurezza tal-persuni li se jkunu qed jivvutaw matul il-pandemija tal-coronavirus, dubji dwar frodi fil-voti u kritika li Putin, li għandu 67 sena, diġà ilu wisq fis-siġġu tal-poter.

L-għadd ta’ każijiet ta’ coronavirus fir-Russja tela’ għal aktar minn 600,000 nhar l-Erbgħa, it-tielet l-ogħla fid-dinja, fejn eluf ta’ infezzjonijiet ġodda qed jiġu rrappurtati kuljum, minkejja li l-awtoritajiet qed jgħidu li l-virus qed jonqos.

L-awtoritajiet qed jiddikjaraw li se jittieħdu l-prekawzjonijiet ta’ sigurtà għas-saħħa tal-votanti kollha matul il-votazzjoni.

Jekk, kif mistenni, jiġu approvati l-bidliet kostituzzjonali kollha, Putin ikun jista’ jikkontesta għal żewġ termini oħra ta’ sitt snin il-wieħed wara xulxin hekk kif tiskadi l-presidenza attwali tiegħu fl-2024.

L-eks aġent tal-KGB ilu fil-poter mill-1999, kemm fil-pożizzjoni ta’ president u anke ta’ prim ministru, u ma ċaħadx li jista’ jerġa’ jikkontesta, imma qal li għadu ma wasalx għal deċiżjoni finali.

Il-kritiċi jemmnu li għandu l-għan li jibqa’ fil-poter bħall-mexxej Sovjetiku anzjan Leonid Brezhnev li miet meta kien għadu fil-gvern. Oħrajn jemmnu li b’dan il-mod hu qed iżomm l-alternattivi kollha miftuħa sabiex ma jitlifx l-influwenza tiegħu qabel l-elezzjoni tal-2024 u b’hekk ikun jista’ jgħaddi r-riedni lil suċċessur tal-għażla tiegħu, imma li għadu mhux magħruf.

“Minħabba li l-president għadu ma sabx suċċessur, qed jagħżel lilu nnifsu,” qal Andrei Kolesnikov, imsieħeb prinċipali fil-Moscow Center think tank ta’ Carnegie.

Dan il-vot dwar għadd ta’ bidliet kostituzzjonali li huwa appoġġat mill-midja tal-istat u m’għandu l-ebda theddida minn oppożizzjoni maqsuma, huwa mistenni li jirriżulta favur Putin, minkejja żieda fil-qagħad, ekonomija mkissra mill-coronavirus u l-ebda prospettiva ta’ titjib fl-ekonomija għaż-żmien li ġej.

Il-bank ċentrali qed jipprevedi tnaqqis fil-PDG ta’ bejn 4%-6% din is-sena, filwaqt li l-Fond Monetarju Internazzjonali qed ibassar tnaqqis ta’ 6.6%.

“Putin għandu biċċa xogħol diffiċli biex itejjeb ekonomija li kienet tidher staġnata qabel il-kriżi, u dan wassal għal appoġġ letarġiku mill-pubbliku,” iddikjara f’nota Eurasia Group, l-organizzazzjoni ta’ konsulenza dwar riskju politiku.

“Se jkun diffiċli biex Putin jissodisfa l-aspettattivi tal-pubbliku fir-rigward ta’ titjib ekonomiku.”

Esperti minn VTsIOM, istitut statali tal-istħarriġ, bassru li bejn 67% u 71% tal-votanti se jappoġġjaw dawn il-bidliet kostituzzjonali. Kritiċi tal-Kremlin qed jgħidu li l-vot huwa wieħed fażull u jibżgħu li r-riżultati jiġu ffalsifikati.

Alexei Navalny, politiku fl-oppożizzjoni, sejjaħ fuq il-partitarji tiegħu biex jibbojkottjaw il-vot.

“Votazzjoni dwar l-emendi hija waħda illegali, mingħajr skop u perikoluża għal saħħtek,” Navalny kiteb qabel il-votazzjoni.

“Int tista’ tibbojkottjah. Din hija l-unika ħaġa ġusta u onesta li tista’ tagħmel.”

Nhar il-Ħadd Putin qal li kien ħerqan li jwaqqaf l-ispekulazzjoni dwar suċċessur possibbli biex iwaqqaf il-possibbiltà li l-gvern jiġi mxekkel.

“Jekk dan ma jseħħx, allura madwar sentejn oħra – u ngħid dan minn esperjenza personali – ir-ritmu normali tax-xogħol ta’ diversi oqsma tal-gvern se jiġu mxekkla mit-tfittxija għal suċċessur possibbli,” ġie rrappurtat li qal mill-aġenzija tal-aħbarijiet Interfax.

“Irridu nibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħna, u mhux naħlu l-ħin infittxu suċċessur,” żied jgħid.

Ir-rata ta’ approvazzjoni ta’ Putin hija ta’ madwar 59%, skont l-aġenzija ta’ stħarriġ indipendenti Levada, organizzazzjoni li l-Kremlin iddikjara li ma jafdax l-istħarriġ tagħha. Għalkemm dan huwa livell għoli meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra, madankollu dan huwa l-agħar punteġġ mill-1999. Aġenzija tal-istħarriġ tal-istat stabbiliet il-popolarità tiegħu għal ftit aktar minn 60%.

Il-Partit Komunista, li tradizzjonalment jappoġġja lil Putin fuq il-kwistjonijiet prinċipali kollha, qed jopponi dawn il-bidliet kostituzzjonali.

Gennady Zyuganov, il-mexxej veteran tal-partit, qal li Putin diġà għandu “aktar poter minn tsar, Faraun u Segretarju Ġenerali tal-Partit Komunista f’daqqa.”