Ir-Rumanija ssaħħaħ il-projbizzjoni ta’ żwiġijiet bejn koppji tal-istess sess

Il-leġislaturi Rumeni, qed jappoġġjaw bis-sħiħ inizjattiva meħuda miċ-ċittadini u xahar ilu approvaw liġi li se ssaħħaħ aktar il-liġijiet dwar iż-żwieġ.

Dan b’kuntrast ma dak li seħħ fl-Indja fejn l-attivita’ sesswali konsenswali bejn l-irġiel m’għadhiex projbita, fl-Awstralja li llegaliżżat iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess. Iżda r-Rumanija bil-maqlub.

L-emendi fil-Kostituzzjoni Rumena qed ineħħu t-terminu newtrali tal-ġeneru “miżżewġin” u minflok il-liġi se tgħid espliċitament li ż-żwieġ hu għaqda bejn raġel u mara.

Il-ġimgħa li għaddiet, is-Senat tar-Rumanija vvota favur dan it-tibdil li s-sena li għaddiet kien diġa’ approvat mill-Kamra tad-Deputati. Sentejn ilu, il-Koalizzjoni tal-Familja kienet ġabret aktar minn tliet miljun firma biex isir referendum ħalli l-kliem tal-liġi jinbidel.

Il-Partit Soċjalista Demokratiku li hu fil-Gvern aċċetta li jsir referendum malajr kemm jista’ jkun.

L-inizjattiva kisbet ukoll l-appoġġ tal-Knisja Ortodossa u ta’ denominazzjoniet żgħar ta’ Kattoliċi Griegi, f’dan il-pajjiż ta’ 20 miljun persuna.

Kważi nofs il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxew legalment iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess.  Imma hemm almenu 73 pajjiż ieħor, l-aktar fil-Lvant Nofsani, l-Asja u l-Afrika li għadhom iqisu l-attività omosesswali anke bejn l-adulti konsenzjenti, bħala att kriminali.

Barra minn dan, tmien pajjiżi fid-dinja għandhom bħala piena is-sentenza tal-mewt għall-omosesswali.

Il-Kodiċi Ċivili tar-Rumanija jipprojbixxi sħubija ċivili bejn persuni tal-istess sess imma l-pajjiż irid jadotta r-regola tal-Unjoni Ewropea li jagħti d-dritt ta’ residenza lil koppji ‘gay’ barranin.

Il-Karta tad-Drittijiet Rumena tista’ tkun emendata jekk il-Parlament japprova proposta tal-President f’dan is-sens, jew mill-Gvern, jew kwart tad-deputati jew 500,000 ċittadin jew aktar, basta dan ikun approvat f’referendum nazzjonali.