Ir-Rumanija għandha martri tal-fidi

Il-Papa Franġisku mal-Kap tal-Knisja Ortodossa Rumena

Fl-ewwel jum tiegħu fir-Rumanija, l-Papa Franġisku ltaqa’ wkoll mas-Sinodu Permanenti tal-Knisja Ortodossa Rumena u qalilhom li hu mar hemm bħala “pellegrin li jixtieq jara wiċċ Alla fl-uċuħ ta’ ħuti”.

F’diskors li għamel lill-membri ta’ dan is-Sinodu, il-Kap tal-Knisja Kattolika tkellem dwar il-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt u qal li dan “hu fil-qalb tal-predikazzjoni apostolika li ngħatat u baqgħet preservata fil-Knejjes tagħna”.

Tbatija u sagrifiċċju
Il-Papa nnota li fir-Rumanija, bħal f’tant pajjiżi oħra, ħafna esperjenzaw il-ġrajja tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu, f’forma ta’ persekuzzjoni. Hu fakkar lil dawk li kienu “martri u konfessuri tal-fidi”. Dak li sofrew dawn in-nies “anke bis-sagrifiċċju ta’ ħajjithom hu wirt prezzjuż li għandna nibqgħu nagħtu każu u ma nħalluħx jittebba”. Żied jgħid li dan hu wirt komuni u jsejħilna biex nibqgħu qrib ta’ ħutna li għaddew minnu.

Huwa fakkar fil-kliem li kien qal 20 sena ilu l-Papa Ġwanni Pawlu II lill-membri ta’ dan l-istess Sinodu meta qal: “Jien ġejt biex nikkontempla l-Wiċċ ta’ Kristu minqux fil-Knisja tagħkom; ġejt biex nagħti ġieħ lil dan il-Wiċċ sofferenti li jagħtikom tama ġdida”. Il-Papa qalilhom li anke hu ġie r-Rumanija “bħala pellegrin li jixtieq jara Wiċċ Alla fl-uċuħ ta’ ħutu”.

Għaqda u Tfakkira
Il-Papa Franġisku rrifera wkoll għall-kliem tal-Patrijarka Teoctist t’ Bucharest, aktar minn 20 sena ilu “Ingħaqdu, Ingħaqdu”. Din il-proklamazzjoni inawgurat żmien ġdid: “iż-żmien li nterrqu flimkien biex nerġgħu niskopru u nagħtu ħajja il-fraternità li anke llum tgħaqqadna”.

It-tfakkira tal-passi li ħadna flimkien jinkoraġġuna biex inkomplu navanzaw lejn il-futur – konxji mid-differenzi ta’ bejnietna imma fuq kollox b’ringrazzjament għall-atmosfera familjari li rridu nerġgħu niskopru u l-għaqda li rridu nerġgħu nħeġġu biex bħal bozza ddawwal il-passi tal-vjaġġ tagħna,” żied jgħid il-Papa.

Nivjaġġaw flimkien
Li nivjaġġaw flimkien ifisser ukoll nisimgħu lil Alla “speċjalment f’dawn is-snin fejn id-dinja qed tara tibdil soċjali u kulturali mgħaġġel”.

Il-Papa kompla hekk: “Mill-iżviluppi teknoloġiċi u l-prosperità ekonomika gawdew ħafna, imma aktar u aktar kienu dawk li kienu esklużi filwaqt li l-globaliżazzjoni li suppost tnaqqas id-differenzi wasslet biex intilfu ħafna valuri tradizzjonali u dgħajjfet l-etika u l-ħajja soċjali li issa qed twassal għal sens ta’ biża’ li spiss qed joħloq attitudni ta’ mibegħda u twarrib”.

Pentecoste ġdida
Il-Papa temm id-diskors tiegħu lis-Sinodu tal-Isqfijiet Ortodossi billi qal li “Il-vjaġġ jasal fit-tmien, kif ġara f’Emmaus, bit-talba biex Alla jibqa’ magħna.” It-triq quddiemna twassalna mill-Għid sal-Pentecoste: mis-sebħ tal-Għid tal-għaqda li kien hawn f’dan il-pajjiż 20 sena ilu u issa mxejna għal Pentecoste ġdid”.
Il-vjaġġ tagħna beda mill-ġdid, enfasizza l-Papa Franġisku “biċ-ċertezza li aħna aħwa mexjin flimkien, naqsmu l-fidi bażata fuq il-Qawmien ta’ Alla wieħed.”