Ir-rule of law tapplika għal ħaddieħor u mhux għal Jason Azzopardi – Muscat

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat sostna li s-saltna tad-dritt tapplika għal ħaddieħor u mhux għal Jason Azzopardi f’kuntest li l-Qorti ċaħdet l-appell ta’ Azzopardi dwar il-libell kontra l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.

Muscat kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjoni tar-radju tal-Partit, fejn parti mid-diskussjoni waqgħet fuq il-każ partikolari.

Aqra: Il-Qorti tiċħad l-appell ta’ Azzopardi dwar il-libell kontra Bonnici

Il-każ ta’ libell kien rigward kontroversja li qamet dwar il-valutazzjoni tal-birrerija Lowenbrau. Fl-2017, il-Ministru Bonnici kien qal li meta Azzopardi kien Segretarju Parlamentari għall-Art tal-Gvern, kien iltaqa’ mal-intraprenditur Nazzareno Vassallo u wiegħdu kompromess dwar il-valur tal-art f’Ħal Qormi. Din l-art hija fejn qabel kien hemm il-birrerija Lowenbrau. Qal ukoll li l-art ġiet trasferita lil Vassallo b’madwar €7 miljun inqas minn kemm suppost. Azzopardi kien sostna li dan mhux vera.

Muscat ikkowta l-Qorti u sostna li din ikkonkludiet li jrid u ma jridx, Azzopardi irid iġorr ir-responsabbiltà politika ta’ dak li seħħ bejn Marzu tal-2011 u Ġunju tal-2012. Qal li minkejja dan, kemm hu u kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia baqgħu siekta dwar il-każ u l-ebda responsabbiltà ma ntrefgħet.

“Sens komun li kellna nuru rieda tajba”

Mistoqsi dwar l-immigranti li mistennija jiddaħlu Malta wara li ġew salvati mill-bastiment tal-għaqda sea-eye l-Alan Kurdi, Muscat qal li kien sens komun li l-pajjiż kellu juri rieda tajba ladarba l-ebda immigrant ma kien se jibqa’ Malta. Qal li l-Gvern Ġermaniż ftiehem ma’ dak Malti, bil-għajnuna ta’ Stati Membri oħrajn, sabiex l-40 immigrant jiddaħlu Malta u se jitqassmu bejn Stati Membri differenti.

Aqra: L-40 immigrant mistennija Malta llejla

“Il-ħidma tal-Gvern ma tiqafx għas-sajf”

Muscat semma wkoll numru ta’ proġetti u inizjattivi li qed jaħdem fuqhom il-Gvern, fosthom fuq l-immodernizzar tal-pajjiż u tranżizzjoni għall-użu ta’ karozzi tal-elettriku.

Qal li t-Transport Malta mmodernizzat il-flotta tagħha b’40 karozza tal-linja ġodda. Qal li l-pass li jmiss huwa li fiż-żmien li ġej, il-flotta ssir waħda li taħdem bl-elettriku. Dan qal li jkun segwit mill-pajjiż kollu li jaqleb għal karozzi tal-elettriku fejn se tkun qed toħroġ data li tgħid li minn dakinhar il-quddiem, kull min jixtri karozza, jrid jixtriha taħdem bl-elettriku. Involuti f’din il-ħidma hemm il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera u l-Ewroparlamentari Miriam Dalli li qed taħdem fuq dan il-qasam ukoll fuq livell Ewropew.