Ir-roundabouts ta’ Ħaż-Żebbuġ jitlestew f’xahrejn

Miguela Xuereb

Ix-xogħol li kien qed isir fuq iż-żewġ roundabouts prinċipali ta’ Ħaż-Żebbuġ u t-triq arterjali ta’ bejniethom tlesta f’xahrejn.

Il-proġett ġie jiswa madwar €0.5 miljun. Ir-roundabouts ta’ ħdejn Bieb De Rohan u dak ta’ ħdejn l-iskola ta’ St Dorothy’s ġew disinjati u nbnew mill-ġdid. It-triq li tgħaqqadhom saret aktar wiesa’. Ix-xogħol dam ftit inqas minn xahrejn.

Fi stqarrija, il-Ministeru għat-Trasport qal li ttieħdu miżuri favur iċ-ċiklisti matul it-triq. Qal li saret konsultazzjoni ma’ rappreżentanti tal-komunitajiet taċ-ċiklisti. Skont il-Ministru għat-Trasport Ian Borg, il-proġett se jkun qed itaffi żewġ bottlenecks li qed ipoġġu pressjoni fuq il-lokalità u fuq diversi toroq tal-madwar. Numru ta’ residenti minn Ħaż-Żebbuġ ilmentaw waqt il-fażi finali tal-proġett peress li sabu ruħhom prattikament maqfula fir-raħal tagħhom filwaqt li oħrajn qalu li dan kien neċessarju biex jitlesta l-proġett.