Ir-roundabouts bi 3 korsiji qed inaqqsu l-inċidenti fit-toroq?

Fl-aħħar snin ġew introdotti numru ta’ roundabouts bi tliet korsiji f’żoni li l-aktar huma magħrufa għat-traffiku madwar Malta. Statistika tal-Pulizija turi li t-toroq li jagħtu għal dawn ir-roundabouts, fl-2017 żdiedu fl-inċidenti, jidher li fl-2018 reġgħu bdew jonqsu.

Kelliem għal Infrastructure Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li minħabba l-volum kbir ta’ persuni li jivjaġġaw minn toroq ewlenin, partikolarment f’Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, il-Gudja u Ħal Luqa, inħass li kien hemm bżonn li ċertu toroq jinbnew mill-ġdid b’aktar korsiji. Spjega li b’dan il-mod, naqas il-ħin tal-ivjaġġar biex wieħed idur mar-roundabouts u naqas ukoll it-tniġġis ikkawżat minn karozzi weqfin jistennew fl-inħawi tagħhom.

Il-kelliem semma kif minn Lulju tal-2017 ‘l hawn inbnew numru ta’ roundabouts bi tliet korsiji, speċifikament dawk fit-truf ta’ Vjal l-Avjazzjoni f’Ħal Luqa u l-Gudja, fir-roundabouts fit-truf ta’ Triq Manwel Dimech f’Ħal Qormi u anke fir-roundabout ta’ Ħaż-Żebbuġ, ħdejn Bieb de Rohan.

L-inċidenti jiżdiedu fl-2017 u jonqsu fl-2018 – statistika

Statistika pprovduta lil Newsbook.com.mt mill-Pulizija turi kif bejn l-2016 u l-2017 kien hemm żieda fl-inċidenti li seħħew fit-toroq li jwasslu għar-roundabouts f’Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi. L-istess statistika turi li l-inċidenti mbagħad reġgħu naqsu meta wieħed jikkumpara l-2017 u l-2018. L-istatistika ma tinkludix ħbit tat-tip bumper-to-bumper u inċidenti sempliċi.

Fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ fl-2016 kien hemm 20 inċident, fl-2017 dawn telgħu għal 26, filwaqt li fl-2018 reġgħu niżlu għal 19-il inċident. Fi Triq Manwel Dimech f’Ħal Qormi, fl-2016 kien hemm seba’ inċidenti, fl-2017 telgħu għal 11, filwaqt li fl-2018 niżlu għal 10.

Intant fi Vjal l-Avjazzjoni kemm min-naħa tal-Gudja, kif ukoll min-naħa ta’ Ħal Luqa kien hemm żieda fl-inċidenti matul is-snin. Min-naħa tal-Gudja fl-2016 kien hemm 10 inċidenti, fl-2017 dawn telgħu għal 12 u fl-2018 komplew jitilgħu għal 16. Intant min-naħa ta’ Ħal Luqa, fl-2016 kien hemm 8 inċidenti, li niżlu għal sitta fl-2017 u telgħu għal seba’ fil-2018.