Ir-rotta ta’ billejl għal San Ġiljan se tkompli mil-lejla

Read in English.

Malta Public Transport se terġa’ tibda topera r-Rotta ta’ Billejl N13 bejn San Ġiljan u l-Belt, b’effett mill-Ġimgħa 24 ta’ Lulju. Wara domanda qawwija, din se tkun l-ewwel rotta li se terġa’ tiddaħħal minn mindu s-servizz ta’ billejl ġie sospiż minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

N13 topera kull nhar ta’ Ġimgħa u Sibt, b’karozza tal-linja toħroġ kull 20 minuta f’kull direzzjoni, u tagħmel waqfiet f’Tas-Sliema, il-Gżira, l-Imsida, Tal-Pietà, u l-Floriana.

L-ewwel karozza lejn il-Belt titlaq minn San Ġiljan fil-23:30 u l-aħħar waħda toħroġ fis-2:30. Fid-direzzjoni opposta, l-ewwel karozza titlaq mill-Belt għal San Ġiljan fil-23:10 u l-aħħar waħda toħroġ fis-1:50.

In-noll regolari se jibqa’ japplika: €2.50 għal min juża Tallinja Card u €3.00 għal dawk li jixtru l-biljetti tagħhom fuq tal-linja. Dawn tal-aħħar huma mfakkra li għandhom joħorġu l-flus bl-eżatt għaliex ix-xufiera ma jistgħux jagħtu bqija lura biex kemm jista’ jkun jitnaqqas il-kuntatt.

Ir-rotta N13 hija inkluża fl-Explore Card u l-ExplorePlus Meep, u l-passiġġiera jivvjaġġaw mingħajr m’għandhom bżonn jagħmlu pagament ieħor. It-12 Day Journey Card hija aċċettata wkoll fuq din ir-rotta u kull vjaġġ jiswa żewġ ‘journeys’, li jammontaw għal €2.50.

Aktar informazzjoni tinsab fuq publictransport.com.mt.