Ir-rotot ta’ billejl b’xejn għall-Għid

Il-Malta Public Transport ħabbret li r-rotot ta’ billejl se jkunu b’xejn għal dawk li għandhom Tallinja Card ippersonalizzata waqt il-vaganzi tal-Għid.

Il-vjaġġi b’xejn jistgħu jsiru bejn id-19 u t-30 ta’ April. Il-klijenti jridu jħallsu bit-Tallinja Card ippersonalizzata tagħhom u l-ewwel żewġ vjaġġi jiġu rimborsati. M’hemmx għalfejn tapplika għal din l-offerta, peress li dawk kollha li għandhom Tallinja Card ippersonalizzata se jidħlu awtomatikament fl-iskema meta jivvjaġġaw fuq in-Night Routes.

Malta Public Transport bħalissa qed topera tmien rotot matul il-lejl, li jistgħu jiġu identifikati bl-“N” quddiem in-numru tar-rotta.

Dawn iż-żewġ rotot joperaw mit-Tnejn sal-Ħadd:

  • Rotta N13 minn San Ġiljan sal- Belt Valletta via Tas-Sliema, l-Imsida u l-Floriana
  • Rotta N212 minn Tas-Sliema sa’ Buġibba via San Ġiljan u Baħar iċ-Ċagħaq

Dawn is-sitt Rotot joperaw fi tmiem il-ġimgħa:

  • Rotta N11 minn San Ġiljan saċ-Ċirkewwa via Buġibba
  • Rotta N40 minn San Ġiljan sal-Mosta via San Gwann u n-Naxxar
  • Rotta N50 minn San Ġiljan sa-Rabat via Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard
  • Rotta N71 minn San Ġiljan sal-Imqabba via Ħal Luqa, l-Ajruport, iż-Żurrieq u l-Qrendi
  • Rotta N91 minn San Ġiljan sa’ Santa Luċia via l-Marsa, Raħal Ġdid, Ħaż Żabbar, Iż-Żejtun u Marsaskala
  • Rotta N209 minn San Ġiljan sa’ Ħaż Żebbug via l-Ħamrun, Ħal Qormi u s-Siġġiewi

L-iskeda tan-Night Routes tinsab hawn.

Dan l-aħħar is-servizz tan-Night Routes ġie aġġornat sabiex joffri iktar konvenjenza lill-passiġġieri, b’rotot ġodda li jservu aktar lokalitajiet u jipprovdu servizz aktar effiċjenti.