Ir-roti tal-bagalji jdejqu lil Venezjani

Ir-residenti ta’ Venezja xebgħu jisimgħu l-ħoss irritanti tar-roti tal-bagalji li s-27 miljun turist, li jduru mat-toroq dojoq ta’ din il-belt kull sena, jieħdu magħhom.
Wara regoli li mistennija jidħlu fis-seħħ is-sena d-dieħla, turisti jistgħu jiġu mmultati sa €500  jekk ma jibdlux għal bagalji b’roti li ma jagħmlux storbju.
Ir-roti jistgħu jkunu magħmulin minn lakstu jew mimlijin bl-arja. Aħjar minn hekk kieku jaqbdu u jġorru l-bagalja mill-ewwel.
L-awtoritajiet qalu li din il-liġi saret wara ħafna ilmenti mir-residenti biex jinqata’ l-istorbju tal-bagalji.   
Dan qed isir ukoll biex ma ssirx ebda ħsara lill-pavimentar medjevali ta’ Venezja.