“Ir-rota għax-xogħol tista’ tiffranka 9 ħajjiet u €10.7 miljun”

Stħarriġ riċenti minn ġurnal lokali kien wera li 47% ta’ 9,770 persuna huma lesti li jmorru għax-xogħol bir-rota jekk il-kundizzjonijiet f’Malta jkunu aħjar.
Skont il-Bicycle Advocacy Group, dan ikun ifisser li fuq medda ta’ ħames snin jiġu salvati 9 ħajjiet u ffrankati €10.7 miljun fuq spejjeż tas-saħħa, li jfissru wkoll inqas ħtieġa ta’ taxxi.
Il-grupp ħadem iċ-ċifri skont kalkoli internazzjonali, ikkalkolati skont medja ta’ 124 ġurnata għall-użu tar-rota fis-sena li hi l-medja għal Stokkolma.
F’Malta, hu stmat li l-medja tista’ tkun ferm ogħla.
Tqis ukoll vjaġġ ta’ 20 minuta li jkopri biss ftit iktar minn 5 kilometri kull naħa.
Il-grupp irrefera wkoll għal riċerka ta’ Transport for London li turi li l-benefiċċji ta’ inqas konġestjoni tat-traffiku huma stmati fil-livell ta’ kwart dak li jiġi ffrankat mill-ispejjeż tas-saħħa. Għalhekk spjega li dan ikun ifisser mat-€2.5 miljun oħra li parti minnhom ikunu jistgħu jiġu ddedikati għall-infrastruttura għar-roti u għalhekk ikomplu jżidu l-benefiċċji ta’ saħħa u ffrankar fi flus.