Ir-Ronnie se jerġa’ jixxandar

Josie Coppini u Mary Rose Mallia

Is-sensiela popolari Ir-Ronnie li nħadmet fl-1997 se tkun qed terġa’ tixxandar fuq TVM mill-Ġimgħa 4 ta’ Settembru. Se jkunu qed jixxandru sitt episodji wara xulxin bejn it-2.45pm u l-5.05pm. Is-sensiela tkompli mbagħad b’aktar episodji l-Ġimgħa 11 ta’ Settembru, fl-istess ħin.

Ir-Ronnie, msejsa fuq l-istejjer maħluqa minn Joe Friġġieri, hija l-aħħar xogħol televiżiv tal-mibki Josie Coppini li kien ħalliena f’Lulju tal-1998. Is-sensiela tirrifletti l-aspetti kollha tal-ħajja Maltija, il-familja, x-xogħol, il-bejgħ u x-xiri, l-politika, l-festi u l-isport, Jirriflettu wkoll id-drawwiet, il-preġudizzji, l-interessi u l-valuri – qodma u ġodda – ta’ ħafna Maltin. F’dinja li kulma tmur qed issir iżjed mgħaġġla u kompetittiva, r-Ronnie jitlef dejjem.

Filwaqt li Josie Coppini jinterpreta l-karattru tar-Ronnie, naraw ukoll lil Maryrose Mallia bħala Doris. Jidhru wkoll Silvan Bonello, Berta Pisani Bencini, Ryan Micallef u Jeffrey Francalanza.

Is-sensiela għandha kitba u addattament televiżiv ta’ Ġorġ Peresso bi produzzjoni u direzzjoni ta’ Marjo Parascandalo.