Ir-roħs fit-taxxa tal-boll estiż għall-propjetajiet kummerċjali

Miguela Xuereb

Read in English.

Ir-roħs fit-taxxa boll se tkun qed tiġi estiża għall-propjetajiet kummerċjali wkoll. Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza stampa li saret l-Erbgħa fl-uffiċini ta’ Transport Malta f’Ħal Lija.

It-Tnejn li għadda l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se tkun qed tonqos it-taxxa tal-boll għall-persuni li se jkunu qed jixtru propjetà fix-xhur li ġejjin. Waqt il-konferenza stampa l-Prim Ministru qal li wara diversi diskussjonijiet ġie deċiż li t-taxxa tal-boll tonqos minn 5% għall-1.5% u din se tkun qed tinkludi propjetajiet għall-użu kummerċjali.

Din il-miżura hija mmirata għal dawk il-propjetajiet li ma jaqbżux l-€400,000 u ma xtrawx propjetà mill-2013.

Dawk il-persuni li se jbigħu l-propjetà tagħhom se jkunu qed jibbenefikaw minn roħs fit-taxxa ta’ 3%. Dan ifisser li t-taxxa mħallsa se tkun dik ta’ 5% minflok 8%.

Waqt il-konferenza stampa l-Prim Ministru Robert Abela qal li minn din l-iskema se jkunu qed igawdu 10,000 koppja u l-Gvern investa €32 miljun f’din l-iskema.