​Ir-rock opera Kolbe għal Malta

Ir-rock opera Kolbe, li saret f’Għawdex mill-Għaqda Drammatika tal-Oratorju Don Bosco ta’ Għawdex, se ssir f’Malta fit-22 ta’ April.
Wara s-suċċess kbir f’Għawdex, l-Oratorju rċieva stedina mill-Provinċja Maltija tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali biex din ir-rock opera ssir f’Malta.
Kolbe hu spettaklu ta’ sagħtejn mużika kontinwa, minsuġa b’kant u żfin, imtella’ minn kast ta’ madwar mitt persuna.
Il-karattri ewlenin f’Kolbe qed ikunu interpretati minn Ruth Portelli, Mario Caruana, Jamie Camilleri u Lara Xerri Mompalao. Kantanti oħra jinkludu lil SarahBonnici, Maria Cassar, Fabian Galea, Angelica Portelli u Mario Portelli.
Il-mużika nkitbet mit-Taljan Daniele Ricci, waqt li l-arranġamenti vokali tħallew f’idejn Mario Caruana u Evelyn Bonnici. Id-direzzjoni artistika hija f’idejn Saviour Cremona.
Ir-rock opera qed issir f’għeluq il-75 sena mill-mewt ta’ San Massimiljanu Kolbe fil-Kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz fil-Polonja, matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Kolbe se ssir fit-Teatru tal-Istitut Kattoliku l-Furjana, is-Sibt 22 ta’ April fis-7.30pm. Id-dħul se jkun b’xejn imma se tintalab donazzjoni libera b’risq il-Missjoni tal-Patrijiet Franġiskani, fil-Venezwala. Wieħed jista’ jirriserva l-biljetti mill-Istitut Kattoliku jew billi jċempel fuq 21238429.