Ir-robots se jieħdu mal-20 miljun post tax-xogħol

DXL, Unsplash

Madwar 20 miljun post tax-xogħol fil-manifattura madwar id-dinja jistgħu jittieħdu minn robots sal-2030 skont studju xjentiifku ta’ Oxford Economics. Madankollu, dan il-proċess mistenni jkabbar l-ekonomija u joħloq postijiet tax-xogħol oħra, għalkemm dawn aktarx ma jkunux opportunitajiet li jistgħu jgawdu minnhom dawk li jitilfu posthom.

Dan ir-rapport jappella lill-istituzzjonijiet ikkonċernati biex jaħsbu għal dan, għaliex jista’ jwassal għal żieda qawwija fl-inugwaljanza fid-dħul. Kull robot industrijali ġdid jista’ jieħu post sa 1.6 miljun impjieg fil-manifattura, bl-aktar reġjuni milquta jkunu dawk bl-inqas ħiliet. Dawn ġeneralment diġà jkollhom problemi ekonomiċi strutturali u rati aktar għola ta’ qgħad. Il-parti l-kbira tal-impjiegi f’dawn it-tipi ta’ ekonomiji jkunu fit-transport, kostruzzjoni, manutenzjoni u xogħol amministrattiv, li jistgħu jkunu fost l-aktar milquta minn din it-teknoloġija ġdida.

Filwaqt li dan mhux l-ewwel darba li jsir studju li jipprevedi li r-robots se jieħdu post il-ħaddiema, għall-ewwel darba l-istudju jindika li aktar milli postijiet fil-fabbriki, il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ robots aktar se tkun ta’ theddida għal dawk f’impjiegi amministrattivi. Skont Oxford, aktar mal-impjieg ikun ripettitiv, aktar hemm ċans li jintilef. Impjiegi li jiddependu fuq kreattività u intelliġenza soċjali huma l-aktar diffiċli li jintilfu fuq din it-tip ta’ teknoloġija. Hu stmat li sa mis-sena 2000, intilfu madwar 1.7 miljun impjieg, f’xogħol li qed isir minn robots. S’issa, il-maġġoranza assoluta tagħhom kienu fis-settur tal-manifattura.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.