Filmat: Ir-robotika fl-isptar t’Għawdex se tgħin fit-testijiet tad-demm

Is-sistema tar-robotika li ġiet installata fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se tgħin biex isiru aktar servizzi mediċi konnessi mat-testijiet tad-demm permezz tal-intelliġenza artifiċjali.

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, inawgura l-Laboratorji tal-Patoloġija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li għadu kemm sar fihom investiment ta’ aktar minn €1.2 miljun. Il-Gvern qal fi stqarrija li s-servizzi b’hekk se jiżdiedu b’madwar mitt wieħed. Is-sena li għaddiet saru f’Għawdex ftit inqas minn 643,500 test tad-demm filwaqt li ntbagħtu 117,000 kampjun tad-demm biex isiru testijiet fuqhom f’Malta. Fisser kif dawn issa se jsiru f’Għawdex stess.

Il-Ministru Fearne sostna li se jkun qed jonqos iż-żmien ta’ stennija għal ħafna testijiet u b’hekk ir-riżultati joħorġu qabel bil-konsegwenza li jkun qed jintrebaħ aktar ħin biex f’każ ta’ bżonn it-trattament konċernat ikun jista’ jinbeda qabel ukoll.

Apparti minn hekk saħaq li dan se jkun ifisser ukoll inqas skariġġ għall-Għawdxin.

Reġa’ fakkar fil-wegħda tal-gvern li f’Għawdex ikun hemm sptar ġdid state of the art, l-akbar sptar li qatt kellu Għawdex u li jkun joffri l-aqwa servizz tas-saħħa b’xejn lill-Għawdxin u dan se jkun qed isir ma’ Steward Healthcare.

Qal li b’konnessjoni ma’ dan l-investiment l-istaff fil-Laboratorji tal-Patoloġija f’Għawdex żdied b’sitt xjentisti u b’ħames allied assistants għal total ta’ 38 ħaddiem. Il-ħaddiema kollha ngħataw taħriġ speċjalizzat fl-isptar stess.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li bis-saħħa ta’ dan il-laboratorju ġdid u b’tekonoloġija state-of-the-art se jiżdiedu s-servizzi li jingħataw f’Għawdex primarjament għall-pazjenti Għawdxin u għal kull min jagħmel użu minnhom.