Ir-roadmap ta’ Konrad u Keith

Read in English.

Ġunju 2008: Joseph Muscat elett bħala l-Mexxej Laburista. Keith Schembri jinħatar bħala parti mill-working group tal-Partit Laburista dwar l-enerġija.

2009: Il-Kummissarju Ewropew John Dalli jippreżenta proposta lill-Gvern Nazzjonalista għall-bini ta’ power station ġdida, bl-involviment ta’ grupp ta’ ċittadini Maltin u familji ta’ negozjanti prominenti.

Settembru 2012: Konrad Mizzi jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li joħroġ għall-elezzjoni u jaħdem fuq il-politika tal-Partit Laburista dwar l-enerġija. Jgħid li l-Partit Laburista għandu roadmap. Jidħol għall-kampanja Laburista kunfidenti bil-pjan li jnaqqas il-kontijiet tal-elettriku b’25% u b’40% tal-provvista tal-enerġija f’Malta tingħata f’idejn kumpanija privata li sa dakinhar kienet għadha mhux magħrufa.

Jannar 2013: Ftit jiem qabel l-elezzjoni, Konrad Mizzi jgħid li l-Partit Laburista rċieva “rispons pożittiv” dwar investiment potenzjali għal proġett tal-power station.

Jannar 2013: Il-Maltatoday tistaqsi lil Mizzi jekk jiħux responsabbiltà personali billi jirriżenja, jekk il-Partit Laburista fil-Gvern ma jirnexxilux iwettaq il-wegħda li jraħħas il-kontijiet. Mizzi lanqas biss jikkunsidra din l-eventwalità u jkun ċert li jinstab il-finanzjament meħtieġ.

Marzu 2013: Il-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali b’maġġoranza assoluta.

April 2013: L-Enemalta toħroġ sejħa ta’ interess għal proġett tal-power station. Mizzi jgħid li sar dan biex jitħaffef il-proċess. Shell, Gazprom Edison u Electrogas jissottomettu l-interess tagħhom.

14 ta’ Ottubru 2013: Daphne Caruana Galizia tpoġġi għall-ewwel darba fid-dominju pubbliku isem Yorgen Fenech, Chairman ta’ Tumas Group. Tisħaq li r-rimarki bla ħsieb li saru minn Fenech f’intervista ppubblikata juru li l-ftehim dwar il-power station kien sar qabel l-elezzjoni u t-tanker tal-LNG kien diġà kkummissjonat qabel ma ntrebħet l-espressjoni ta’ interess.

April 2015: Schembri u Mizzi kienu akkumpanjaw lill-Prim Ministru f’laqgħa mad-dittatur tal-Azerbajġan; laqgħa li għaliha ma kinitx mistiedna l-midja. L-Azerbajġan huwa wieħed mill-aktar pajjiżi korrotti fid-dinja.

April 2015: Il-Gvern jiffirma ftehim mal-Electrogas.

Ġunju 2015: Konrad Mizzi u Keith Schembri jiftħu żewġ kumpaniji fil-Panama mal-ATC Administrators Inc, kumpanija relatata ma’ Mossack Fonseca. Il-kumpaniji huma Hearnville Inc u Tillgate Inc.

Lulju 2015, il-kumpanija wara t-tanker tal-LNG tibgħat 200,000 Dollaru Amerikan lil 17 Black. F’Novembru 2015 jintbagħtu 1.4 miljun Dollaru Amerikan oħra minn persuna fl-Ażerbajġan għall-kont tal-bank tal-kumpanija 17 Black.

Frar 2016: Daphne Caruana Galizia, fi blogg tgħid li dak li ġie żvelat mill-Panama Papers juru li Konrad Mizzi u Keith Schembri użaw lil Mossack Fonseca biex jiftħu l-kumpaniji offshore Hearnville u Tillgate.

April 2016: Il-Prim Ministru Muscat ineħħi l-portafoll tal-enerġija u s-saħħa lil Konrad Mizzi. Iżda Mizzi jibqa’ responsabbli li jara li l-pjanijiet tal-Gvern dwar l-enerġija jitwettqu.

Jannar 2017: Il-Ministru Konrad Mizzi jintgħażel mill-Prim Ministru biex imexxi l-Kunsill Ewropew tal-Enerġija waqt li Malta kellha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.

Frar 2017: Daphne Caruana Galizia tikteb għall-ewwel darba dwar 17 Black, kumpanija f’Dubaj. L-istorja turi ritratt ta’ Keith Schembri, ta’ Konrad Mizzi, Joseph Muscat u l-eks Ministru Nazzjonalista u eks Kummissarju Ewropew John Dalli. Dalli għandu rabtiet familjari mal-familja Fenech. Il-Prim Ministru jgħid li ma jafx b’17 Black.

Mejju 2017: The Malta Independent torbot lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri mal-allegati kickbacks mit-tanker tal-LNG. Rapport tal-FIAU juri li saru trasferimenti ta’ flus minn kumpanija b’rabtiet ma’ Armada Floating Gas Services Malta, is-sidien tat-tanker tal-LNG sorġut f’Marsaxlokk, u kumpanija bbażata f’Dubaj. Dan biex jiġu trasferiti €2 miljun lil Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Ottubru 2017: Tiġi assassinata Daphne Caruana Galizia, fl-istess jum li Keith Schembri ntalab biex jixhed f’libell li fetaħ hu stess kontra l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil. L-aħħar blogg tagħha kellu t-titlu: “There are crooks everywhere you look now. The situation is desperate”.

Diċembru 2017 – The Times irrappurtat li informazzjoni speċifika dwar il-Panama Papers fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri, għaddiet mingħand il-Pulizija Ġermaniża għal idejn l-Awtoritajiet Maltin.

April 2018: The Daphne Project żvela dokumenti li juru li 17 Black kellha żewġ klijenti ewlenin: Tillgate u Hearnville. Keith Schembri fi stqarrija kkonferma li 17 Black ġie inkluż bħala parti mill-pjan kummerċjali għall-kumpanija tiegħu fil-Panama, Tillgate, iżda li dan qatt ma mmaterjalizza. Schembri qatt ma kkjarifika dwar in-natura ta’ negozju li kellu ma’ 17 Black u lanqas min kienu s-sidien tagħha. Konrad Mizzi ċaħad li għandu xi rabta, diretta jew indiretta ma’ din il-kumpanija.

April 2018: Il-ġurnal Süddeutsche Zeitung jiżvela imejl li turi li l-kumpanija f’Dubaj se tkun qed tibgħat trasferimenti fil-kontijiet tal-bank li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi ppruvaw jiftħu fil-Bahamas għall-kumpaniji Tillgate u Hearnville.

Novembru 2018: Reuters issemmi lil Yorgen Fenech, wieħed mill-imsieħba tal-power station il-ġdida, bħala sid il-kumpanija 17 Black. Fenech ċaħad.

Marzu 2019: The Times tirrapporta li Konrad Mizzi qed jikkunsidra li jikkontesta għat-tmexxija tal-Partit Laburista.

Ottubru 2019: The Malta Independent tirrapporta li kważi tliet snin wara li l-Ministru Konrad Mizzi nqabad li fetaħ kumpanija sigriet fil-Panama, jgħid li kieku kien ikun aħjar jekk m’għamilx dan.

12 ta’ Novembru 2019: Id-data tar-riżenja ta’ Yorgen Fenech minn Tumas Group u l-Electrogas.

Novembru 2019: Il-PM jirrakkomanda li tingħata l-maħfra lil Melvin Theuma, li qed jitqies bħala s-sensar fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

19 ta’ Novembru 2019: Yorgen Fenech irriżenja minn Kap Eżekuttiv ta’ Tumas Group. Dan skont dokumenti sottomessi fir-Reġistru tal-Kumpaniji.

20 ta’ Novembru 2019:  Yorgen Fenech allegatament jipprova jaħrab mill-pajjiż u jiġi arrestat bħala “persuna ta’ interess” fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-Forzi Armati ta’ Malta waqqfu l-jott ta’ Fenech, ftit wara li ħalliet Portomaso għall-ħabta tal-5.30am.

20 ta’ Novembru 2019: Il-Ministru għat-Turiżmu ma weġibx jekk hux se jirriżenja, wara li s-sid ta’ 17 Black u direttur tal-powerstation Yorgen Fenech ġie arrestat l-Erbgħa filgħodu. Mistoqsi biex jispeċifika meta ltaqa’ l-aħħar ma’ Fenech, Mizzi qal li kien “ilu ftit”.

20 ta’ Novembru 2019: Yorgen Fenech jiġi arrestat bħala “persuna ta’ interess” b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

23 ta’ Novembru 2019: Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black u suspettat fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jitlob il-maħfra.

25 ta’ Novembru 2019: Meta kien qed ikellem lill-ġurnalisti, Konrad Mizzi qal li hu ma kellux x’jaqsam ma’ dak li qed joħroġ mill-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Stqarr li qed iħossu ‘offiż’ li hemm min qed jallega li ismu kien fuq il-lista ta’ ismijiet li semma Yorgen Fenech, b’attentat biex jingħata maħfra presidenzjali.

26 ta’ Novembru 2019: Keith Schembri jirriżenja minn Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Hu ġie interrogat mill-Pulizija bħala parti mill-investigazzjonijiet tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

26 ta’ Novembru 2019: Konrad Mizzi jirriżenja minn Ministru għat-Turiżmu.