Indeċiż ir-riżultat tar-referendum dwar l-abort fl-Irlanda

Filwaqt li r-referendum dwar l-abort fl-Irlanda qed joqrob sew, l-Isqof Irlandiż Kevin Doran tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-vot u kif is-soċjetà qed tħares lejh, waqt li l-Knisja u dawk favur il-ħajja qed iħossuhom intimidati.
Fir-referendum li se jsir nhar il-Ġimgħa li ġej, il-votanti se jkunu mistoqsija jekk iridux li mill-Kostituzzjoni tal-pajjiż titneħħa klawżola li tirrikonoxxi l-istess drittijiet, kemm tal-omm kif ukoll tat-tarbija fil-ġuf.
Fis-snin li għaddew saru diversi referenda fuq l-abort fl-Irlanda, iżda dan ta’ din il-ġimgħa għandu importanza partikolari minħabba l-impatt legali jekk jirbaħ il-vot “Iva”, jiġifieri li titneħħa l-klawżola kostituzzjonali li tipproteġi t-tarbija fil-ġuf. Ħafna nies qed jieħdu sehem fid-dibattitu u qed iduru bieb bieb f’kampanja biex il-poplu jivvota “Le”, li jkun ifisser li tibqa' l-protezzjoni tat-tarbija.
L-Isqof Doran qal li l-abort hu dejjem kwistjoni emottiva u d-dibattitu kien wieħed emozzjonali u kultant anke irrazzjonali. Hu jemmen li hemm tħassib serju dwar l-implikazzjoni morali u legali fit-tul, jekk il-maġġoranza tivvota favur it-tneħħija tal-klawżola kostituzzjonali li sal-lum għadha tipprojbixxi ħafna aborti. Hu ċar li ħafna Irlandiżi għandhom riservi serji dwar dak li qed jipproponi l-Gvern.
L-Isqof qal li din il-kwistjoni qasmet il-pajjiż b’diversi modi u saħansitra ġabet “firdiet fil-familji”.
Għad fadal ħafna nies li għadhom mhux deċiżi kif se jivvotaw u l-Isqof Doran qed ibassar li r-riżultat tar-referendum se jkun wieħed indeċiż ħafna aktar milli qed jistennew in-nies. 
Ħafna żgħażagħ favur il-ħajja mhux komdi jgħidu kif se jivvutaw fis-soċjetà sekularizzata tal-lum.
Qed ikun hemm ħafna każi ta’ “bullying” u dan wassal biex ħafna żgħażagħ fl-universitajiet u għaqdiet oħra biex iżommu fommhom sieket, kemm waqt il-kampanja elettorali kif ukoll dwar l-intenzjoni tal-vot tagħhom.