Ir-riżenja ta’ Michael Falzon kellha tasal 6 xhur ilu – Carmel Cacopardo

Id-Deputat Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo sostna li Michael Falzon imissu rriżenja sitt xhur ilu flimkien mad-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tal-Propjetà tal-Gvern.
F’reazzjoni għar-rapport tal-Awditur Ġenerali, Carmel Cacopardo qal li dan ir-rapport huwa kundanna lit-Taqsima li bdiet il-proċess ta’ espropjazzjoni mingħajr ma kien hemm ġustifikazzjoni għal dan fl-interess pubbliku.
Sostna li huwa wkoll kundanna ċara li Michael Falzon ma kienx kapaċi jissorvelja l-ħidma tat-Taqsima tal-Propjetà tal-Gvern.
Cacopardo saħaq li r-riżenja ta’ Michael Falzon minn Segretarju Parlamentari kien pass korrett li iżda huwa sitt xhur tard u li kellu jirriżenja f’Lulju li għadda wara li ġie ppreżentat ir-rapport tal-IAID.
Carmel Cacopardo qal li huwa tajjeb li l-Prim Ministru ħabbar ir-riformi fil-mod kif tiġi amministrata l-art u l-propjetà pubblika għax b’hekk hemm ċans li minn dan il-każ il-pajjiż jibbenefika billi jidħlu fis-seħħ proċeduri li jħarsu l-interess pubbliku.