Ir-riżenja “ipotetika” tal-Papa Pawlu VI

Mons. Giovanni Montini, il-Papa Pawlu VI, kien kiteb ittra li fiha qal li jekk jintlaqat minn xi marda li ma jkunx hemm kura għaliha jew ikollu xi impediment ieħor, hu kien jirriżenja minn Papa.
Pawlu VI diġà hu meqjus bħala qaddis u fil-fatt ilbieraħ sar Konċistorju li fih kienet deċiża l-ġurnata taċ-ċelebrazzjoni uffiċjali biex ikun iddikjarat qaddis.
Il-Papa Franġisku din il-ġimgħa qal li hemm prova oħra tal-qdusija tal-Papa Pawlu VI “għax Montini, li mexxa l-Knisja fis-snin diffiċli – 15-il sena – ta’ wara l-Konċilju Vatikan II, kien qed jara l-possibiltà tal-mard ‘li jista’ ma jkunx kurabbli jew jieħu fit-tul’ u li seta’ jimpedih milli jaqdi kif jixraq il-ministeru Apostoliku tiegħu”.
Fil-fatt, fl-1965 meta kien għadu fit-tieni sena tal-Pontifikat tiegħu, Pawlu VI kien kiteb “ittra riservata”, li sal-lum qatt ma kienet ippubblikata, indirizzata lid-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kappillani, li jekk ikun il-każ kellha titwassallu mis-Segretarju tal-Istat.
It-test ta’ din l-ittra hu miġbur f’volum intitolat “Paul’s Bark”, flimkien ma kitbiet oħra ta’ Pawlu VI li qatt ma kienu pubblikati, xogħol ir-Reġġent tal-Prefettura tad-Dar Papali, liema volum dalwaqt ikun ippubblikat.
Il-Papa Franġisku, li kiteb l-introduzzjoni ta’ dan il-volum jgħid li “Montini, ma rtirax mir-responsabbiltajiet tiegħu. Dak li jinteressah huma l-bżonnijiet tal-Knisja. Papa li l-mard serju jimpedih milli jaqdi dmiru ma jkunx jista’ jeżerċita l-ministeru appostoliku tiegħu bl-effikaċja meħtieġa”.
“Għalhekk, wara riflessjoni matura u b’mod kuxjenzjuż, jindika x-xewqa preċiża tiegħu għall-aqwa ġid tal-Knisja Mqaddsa”, kompla jikteb il-Papa Franġisku.
Madankollu, għalkemm kien qed jara l-possibiltà li jkollu jirrinunzja għall-Pontifikat “nirringrazzjaw 'l Alla, l-uniku Wieħed li jmexxi u jsalva l-Knisja, li ppermetta lil Pawlu VI ikompli jkun il-Missier, l-Għalliem, Ħuna u Ħabibna sal-aħħar jum ta’ ħajtu”, ikkonkluda l-Papa Franġisku.