Ir-ritratt tas-sena: funeral ta’ żewġt itfal f’Gaża

Ritratt ta’ funeral ta’ żewġt itfal f’Gaża ġie vvutat bħala r-ritratt tas-sena.

Ir-ritratt, jaqbad il-mument meta l-familjari ta’ żewġt aħwa, tifel u tifla, jidhru qed iġorru l-kadavri tat-tfal li kienu mgeżwra f’biċċa drapp. Fir-ritratt jidher ukoll wiċċ it-tfal u l-espressoni mnikkta tal-qraba.

Ir-ritratt ittieħed fl-20 ta’ Novembru li għadda mill-isvediż Paul Hansen li rebaħ l-ewwel premju tal-“World Press Photo of the Year 2013”.

Membru tal-ġurija qal li l-iktar li laqtu mir-ritratt hu li l-fotografu rnexxielu juri kuntrast bejn ir-rabja u l-uġiegħ tal-adulti u l-innoċenza tat-tfal.

It-tfal kienu nqatlu fid-dar tagħhom stess f’Gaża meta l-Iżraeljani bdew jispraw il-missili fuq id-djar. Fl-attakk, minbarra l-aħwa Suhaib u Muhammed Hijazi, miet ukoll missierhom Fouad.

Ir-ritratti l-oħra huma tal-fotografi finalisti.