Ir-ritorn ta’ Clare Agius bħala attriċi

Clare Agius se tkun qed tagħmel ir-ritorn tagħha fuq il-palk matul Frar permezz tal-aktar dramm reċenti ta’ Alfred Buttigieg “L-Interogazzjoni” b’direzzjoni ta’ Lee-N Abela li għall-enerġija ma jirbħilha ħadd. Minbarra s-sehem ta’ Clare Agius, f’din il-produzzjoni se tieħu sehem ukoll Angele Galea.

L-Interrogazzjoni, li se tkun qed tittella’ fuq żewġ weekends, tippreżentana sfida fejn jidħlu l-ġeneri kif ukoll sfida ta’ battalja ta’ mħuħ. Il-produzzjoni li hija twila siegħa tidħol fir-relazzjoni kumplessa tal-koppja Martina u Stephanie li jispiċċaw priġunieri fi ħdan il-konfini klawstrofobiċi tal-passat trawmatiku tagħhom. Il-feriti jinfdu fil-fond, forsi saħansitra daqskemm hija fonda l-imħabba li jaqsmu. Din tiggrava l-ossessjoni li Martina u Stephanie għandhom għal xulxin sa ma jilħqu punt kritiku fejn l-istess ossessjoni tasal biex tiżbroffa.

Clare Agius u Angele Galea

Għal kull spettaklu jistgħu jidħlu sa 45 membru tal-udjenza biss. Il-ftit privileġġjati ser jiġu mistiedna f’residenza privata f’Ħal Għargħur. Iva hekk hu, mhux se jkun hemm palk imma sempliċiment dar u salott, u inti mistieden. Jekk qed tistaqsi fejn tista’ tkun din id-dar mela se nħalluk ftit bil-kurżità, iżda żomm il-mobile fejn issibu għax Teatru Malta daqt se tkun qed tiżvela l-indirizz lil dawk li jixtru biljett! U hemm aktar!

Is-sid qed tistieden lill-udjenzi għal edizzjoni speċjali ta’ L-Interrogazzjoni għal Jum San Valentinu, li se tinkludi l-ispettaklu segwit minn Taħdita Teatru flimkien mal-kast, id-direttur, il-kittieb u mistednin speċjali waqt ikla menu speċjali preparata mis-sid u inbid bla limitu! Tixtieq tagħmel xi ħaġa differenti mis-soltu pranzu għal tnejn? Mela aqbad u rriżerva dawk il-biljetti.

Il-mistoqsija fuq fomm kulħadd: ir-relazzjoni ta’ Martina u Stephanie tista’ qatt tkun għajr qtil orribbli li jitfa’ dell ikrah fuqha? Int ser ikollok tkun il-mistieden tagħhom biex issir taf.

L-Interrogazzjoni hija strettament għal udjenza 16+ u tiftaħ fis-7 ta’ Frar. L-Ispettaklu jiqa’ għaddej sas-16 ta’ Frar. Il-biljetti huma €18 (standard) / €15 (bil-konċessjoni) għas-serati kollha u €30 f’Jum San Valentinu. Biex tibbukkja l-biljetti tiegħek żur Kultura.mt jew ċempel lil Teatru Malta fuq 21220255 għal aktar informazzjoni!