Ir-ristoranti jwissu dwar il-kera għax se jkeċċu l-ħaddiema

Unsplash

Read in English.

L-Assoċjazzjoni tal-istabbilimenti tal-catering li tinkludi fiha għadd ta’ ristoranti qed titlob lill-Gvern biex fiċ-ċirkostanzi jirregola l-kirjiet kummerċjali mill-1 ta’ Marzu ‘l quddiem. Huma qalu li jekk ma jsirx dan se jkun hemm it-tkeċċija tal-ħaddiema.

Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni qalet li s-sidien tal-kera komplew jimponu prezzijiet tal-kiri daqslikieku mhawnx kriżi. Saħqu li jekk il-Gvern mhux se jirregola dan is-settur tal-kiri, l-isforzi li saru mill-Gvern stess flimkien ma’ dawk tan-negozju u l-ħaddiema se jkunu sfaw fix-xejn għax ma jkunux jistgħu jibqgħu jħaddmu nies daqs kemm kienu qabel bdiet il-pandemija.

Jidher li r-ristoranti qed jirrappurtaw li kellhom qliegħ ta’ 10% tal-ammonti li qalgħu s-sena li għaddiet fl-istess żminijiet bil-prezzijiet tal-kera jlaħħqu sa 50% tal-flus li jkunu daħħlu.

Huma pproponew li l-Gvern jirregola l-kirjiet kummerċjali billi jistabbilixxi rata massima ta’ kiri abbażi ta’ kemm ikun kbir l-istabbiliment bħala liġi ta’ emerġenza fi żmien il-pandemija tal-coronavirus.

Fl-istqarrija, l-assoċjazzjoni qalet li s-suq tal-kiri rnexxielu jissaħħaħ fl-aħħar snin grazzi għat-tkabbir fl-ekonomija iżda qalu li s-sidien ma jistgħux jiġġustifikaw l-istess prezzijiet minħabba li fil-futur qarib l-ekonomija mistennija tieħu daqqa l-isfel. Stqarru wkoll li l-kiri se jkun il-kawża ewlenija tal-falliment ta’ għadd ta’ ristoranti jekk din ir-regola ma tidħolx fl-immedjat.

Il-ġimgħa li għaddiet, ir-ristoranti flimkien ma’ għadd ta’ stabbilimenti oħrajn, tħallew jiftħu wara xahrejn magħluqa. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qalet li jekk ir-ristoranti jinqabdu ma jsegwux ir-regoli l-ġodda ladarba jiftħu, dawn tista’ tittiħidilhom il-liċenzja.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn