Ir-rispett trid taħdem għalih ma jiġix b’mod awtomatiku – Carmelo Abela

Biex il-Korp tal-Pulizija jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-poplu, l-ewwel iridu jkunu l-membri kollha tal-Korp li jkollhom fiduċja fihom infushom u li jaħdmu f’tim.
Hekk sostna l-Ministru l-ġdid għall-Intern, Carmelo Abela waqt il-programm Bir-Rispett Kollu fuq RTK.
Filwaqt li rrikonoxxa li fil-preżent hawn sfiduċja fil-Korp tal-Pulizija, il-Ministru Abela qal li r-rispett trid taħdem għalih u ma jiġix b’mod awtomatiku.
Enfasizza li min irid jidħol fil-Korp tal-Pulizija jrid jagħmel dan b’responsabbilità.
Il-Ministru għall-Intern sostna li ċertu affarijiet li rajna fil-Korp ilhom ġejjin snin twal.
Qal li affarijiet li spiċċaw fil-midja jwasslu biex membri tal-Korp ma jagħmlux xogħolhom, iżda filwaqt li mhux se jittollera lil min jabbuża, se jiddefendi lil dawk li jagħmlu xogħolhom.
Carmelo Abela tkellem ukoll fuq l-inkjesti li jinsabu għaddejjin u qal li meta jkunu lesti se jkunu pubbliċi.
Dwar l-awditjar fuq is-sistema tar-rapporti u l-mod kif isir l-aċċess bil-passwords, il-Ministru Abela qal li bil-mod kif allegatament qed isir, il-password kienet qed tingħata minn kuntistabbli għall-ieħor.
Qal li talab dan l-awditjar biex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex din il-prattika ma tibqax issir.
Mistoqsi jekk il-Kummissarju tal-Pulizija għandux jibda jinħatar mill-Parlament, Carmelo Abela qal li hija proposta li wieħed jista’ jiddibatti u jesplora iżda qal li ma nistgħux nispiċċaw fi stadju li kull tip ta’ Kap jinħatar b’dan il-mod.
Il-Ministru qal li qed ikollu laqgħat informali fuq il-proposta li l-ogħla karigi fil-Korp ikunu għal terminu ta’ tliet snin.
Dwar dan sostna li jrid ikun hemm ir-reponsabbilità u l-kontabbilità.