Ir-rispett għall-ħolqien hu fundamentali

F’ Rio de Janeiro fil-Brazil għadha kif intemmet konferenza ta’ tliet ijiem bit-tema “Laudato Si u l-Bliet il-Kbar” bl-iskop li ċentri urbani kbar madwar id-dinja fejn tgħix madwar 52% tal-popolazzjoni tad-dinja,  ikunu aktar umanizzati biex joffru kwalita’ ta’ ħajja aħjar lil min jgħix fihom.
F’messaġġ iebes li l-Papa Franġisku bagħat għal din il-Konferenza qal  li r-rispett  lejn il-ħolqien hu dover ewlieni tagħna u allura ma nistgħux nibqgħu siekta meta qed naraw degradazzjoni serja fil-kwalita’ tal-arja u żieda qawwija ta’ skart li mhux qed niddisponu minnu b’mod adegwat.
“Sitwazzjonijiet bħal dawn”, wissa’ l-Papa “huma riżultat ta’ esplojtazzjoni irresponsabbli tal-ħolqien u dan jitlob li naġixxu b’mod responsabbli  għall-ġid ta’ kulħadd. Sfortunatament, dak li qed inkomplu naraw jista’ jkun dekritt biss bħala indifferenza lejn is-salvagwardja tad-dar komuni tagħna”, qal il-Papa Franġisku.
“Din il-passivita’ turi li l-bniedem tilef is-sens ta’ responsabbilta’ u allura sar aktar urġenti li l-Gvernijiet jadattaw politika li tinkoraġixxi imġieba responsabbli  u r-rispett tal-ambjent li fih ngħixu lkoll kemm aħna”.
Il-Papa iffoka l-messaġġ tiegħu fuq tliet punti ewlenin: ir-rispett, ir-responsabbilta’ u r-relazzjoni. Hu saħaq li r-rispett lejn il-ħolqien hu dover li għandna anke lejn il-ġenerazzjonijiet futuri u allura “irridu ngħallmu  u ngħaddu lil ta’ warajna il-bżonn li nindukraw il-pjaneta”.
Hu enfasiżża wkoll l-importanza li kulħadd ikollu aċċess għal ilma nadif, li hu dritt fundamentali  li għandu jkun garntit għal kulħadd. U finalment il-Papa jixgħel id-dawl fuq l-importanza tar-relazzjonijiet umani li fi bliet kbar jidher li qed isiru aktar diffiċli.
“Kultant il-bniedem jingħalaq fih innifsu u anqas jibqa’ jafda lill-ġar tiegħu. Din l-isfiduċja twassal għall-iżolament li imbagħad joħloq il-faqar. Għalhekk”, jikkondludi l-messaġġ tiegħu l-Papa Franġisku, “hemm bżonn ta’ sforz politiku, edukattiv u reliġjuż konġunt biex noħolqu relazzjonijiet umani li jkissru l-ħitan li jemarġinaw in-nies”.