Ir-riskju tas-suwiċidju jogħla fis-sajf – Psikjatra

Il-psikjatra Dr Mark Xuereb sostna li skont ħafna riċerka jidher li r-riskju tas-suwiċidju jogħla fl-istaġun tas-sajf.

Dr Xuereb, li jmexxi t-tim ta’ Crisis Resolution Malta, linja ta’ kriżi għal persuni f’riskju ta’ suwiċidju, qal li bħalissa hemm kampanja għaddejja fuq Facebook li titkellem dwar ir-riskju tas-suwiċidju fl-istaġuni.

Aqra: Kif tinduna jekk uliedek jinsabu f’riskju ta’ suwiċidju?

Spjega li l-aktar persuni f’riskju huma dawk li jinsabu f’dipressjoni jew ikunu għaddejjin minn xi kriżi f’ħajjithom, jew inkella jkun jappartjeni għal minoranza etnika. Spjega li fit-tranżizzjoni mir-Rebbiegħa għas-Sajf tibda tiżdied ir-rata tas-suwiċidju u b’hekk Crisis Resolution Malta tinsab attenta aktar mis-soltu kemm għal-linja tat-telefon u anke għall-messaġġi fuq Facebook.

Qal li meta persuni mdejqa jaraw ritratti ta’ persuni oħrajn kuntenti b’ħajjithom, joħorġu u jieħdu pjaċir, dawn jibdew jgħidu n-nies li jkunu f’dipressjoni jgħidu “ara jiena lanqas nista’ noħroġ minn hawn u ma jistħoqqlix ngħix.”

Aqra: “Żmien il-festi jwaslu persuni vulnerabbli għas-suwiċidju”

“Is-suwiċidju hemm stigma kbira madwaru”

Dwar is-suwiċidju hemm stigma kbira skont Dr Xuereb. Qal li skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, it-tieni kawża l-iktar komuni ta’ mewt fost persuni ta’ bejn 15 u 27 sena huwa s-suwiċidju. Kompla jgħid li f’pajjiżi bħall-Amerka, l-Eks Unjoni Sovjetika u l-pajjiżi Balkani qed issir kważi kważi l-ewwel kawża prinċipali tal-mewt.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966 jew ibgħat imejl fuq crisismalta@gmail.com. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.