Ir-rimi fil-baħar ilu jsir mill-1997…’il barra mill-Port il-Kbir – Farrugia

Miguela Xuereb

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal fil-Parlament li r-rimi ta’ skart tat-kostruzzjoni fil-baħar ilu sa mill-1997 ikun permessibli, iżda jkun ikkunsidrat biss għal materjal ġeoloġiku li jkun nadif. Is-sit permess għal tali rimi huwa ˊl barra mill-Port il-Kbir.

Meta kien qed iwieġeb serje ta’ mistoqsijiet mid-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar, Farrugia qal li hawn 35 barriera liċenzjata f’Malta li jaċċettaw materjal ta’ kostruzzjoni, bi 32 minnhom qed jirċievu materjal bl-għan li jiġu riabilitati. It-tlieta l-oħra huma liċenzjati biex jirċievu materjal għal riċiklaġġ. Kważi nofshom jinsabu s-Siġġiewi (9) u l-Imqabba (7). F’Ħal Kirkop u fiż-Żurrieq hemm sitta waqt li f’Ħad-Dingli u fin-Naxxar hemm tnejn. Tlieta jinsabu f’Għawdex, f’Ta’ Kerċem, fil-Qala u f’San Lawrenz. L-oħrajn qegħdin fl-Iklin, fil-Mellieħa, fil-Mosta u l-Qrendi.

Aaron Farrugia stqarr li l-barriera ta’ Wied Inċita ilha b’permess għall-irdim u riċiklaġġ ta’ skart mill-kostruzzjoni sa mill-1998. Huwa qal li mhux il-Gvern għażel din il-barriera partikolari biex jarmi l-materjal fiha, iżda f’laqgħa bejn ir-regolaturi, numru sostanzjali ta’ sidien ta’ barrieri u anke mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, l-operatur tal-barriera msemmija, minn rajh għażel li jerġa’ jibda jaċċetta l-materjal ta’ kostruzzjoni fil-barriera tiegħu.

Fil-ġimgħat li għaddew, il-Gvern ħabbar li x-xogħol tal-kostruzzjoni kellu jieqaf minnufih wara li ma kienx fadal spazju fejn jintefa’ l-materjal li joħroġ mis-siti ta’ kostruzzjoni.

Fil-Parlament, il-Ministru qal li l-problema kienet li s-sidien tal-barrieri ma jridux iżommu mal-prezz miftiehem ta’ €12-il tomna.