Aġġornata: Imut wara li waqa’ fil-baħar f’Tas-Sliema

Raġel tilef ħajtu hekk kif inġarr mill-baħar f’Tas-Sliema wara li waqa’ bir-riħ. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-4.20pm qrib l-Exiles.

Il-Pulizija kkonfermat li r-raġel ta’ 26 sena residenti San Ġiljan mill-Ukraina ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara li ttella’ minn dgħajsa tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Żewġ irġiel li kienu miegħu li t-tnejn li huma residenti San Ġiljan u mill-Ukraina qabżu jgħinuh iżda ma setgħux jarawh għax kien hemm wisq mewġ. Huma ttellgħu mill-baħar u ttieħdu t-tnejn l-isptar iżda ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.

Bil-każ infetħet inkjesta maġisterjali.