Ir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Għar Barka riesqa lejn tmiemha

Pierre Sammut (DOI)

Proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Ġnien Għar Barka fir-Rabat – li qed isir bi spiża ta’kważi €300,000 – wasal fil-fażi finali tiegħu.

Il-proġett jinkludi xogħlijiet ta’ tisbiħ f’dan il-ġnien, li jinkludi tliet livelli differenti aċċessibbli b’turġien u rampi, li qed ikunu mdawrin b’siġar u pjanti mħawlin minn Infrastructure Malta. B’kollox tħawwlu 160 pjanta tal-klin, ħames siġar taż-żebbuġ u ħamsa tal-prinjol.

Ġie installat play equipment bħal bandli għal tfal ta’ kull eta, u qed tiġi nstallata sistema ġdida ta’ dawl LED kif ukoll Sistema ta’ tisqija pprogrammata. Biex il-proġett jasal fi tmiemu, fadal li jitwaħħlu l-bankijiet u l-poġġamani.

Il-ġnien ġie miżjur mill-Ministru għat-Trasport – u deputat tad-distrett – Ian Borg, li qal li “għal darb’oħra qegħdin nkomplu naħdmu sabiex spazji bħal dawn ta’ rikreazzjoni jingħataw lill-komunità fl-aqwa stat u kwalità possibli.”

“Dan għax nemmnu f’ħidma ħolistika u nemmnu li l-komunitajiet tagħna jixraqilhom li jgawdu kemm jistgħu minn dan. Dan bla dubbju jirrifletti il-viżjoni ta’ dan il-Gvern li jħares li l-ħidma fil-komunitajiet tkun fuq nett tal-prijoritajiet tiegħu. Aħna kommessi li nżommu l-impenn tagħna sabiex nwettqu ħidma bla waqfien favur kwalità ta’ ħajja aħjar għan-nies u nħarsu ’l quddiem għal sena oħra t’aktar ħidma u ġid għall-komunitajiet tagħna,” ikkonkluda Borg.