“Ir-rigali kienu għadhom hemm sal-aħħar terminu ta’ Gonzi”

Read in English.

Persuni qrib l-amministrazzjonijiet tal-Prim Ministri Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi qalu ma’ Newsbook.com.mt, li r-rigali li t-tnejn li huma rċevew bħala prim ministri, dejjem tniżżlu fir-Reġistru tar-Rigali Statali. Żiedu jgħidu li l-inventarju f’Kastilja kien jinkludi wkoll ir-rigali tal-Indipendenza. Din il-kamra tal-aħbarijiet ġiet assigurata wkoll li dawn ir-rigali kollha kienu għadhom hemm fl-aħħar tat-terminu ta’ Gonzi bħala Prim Ministru fl-2013.

Dawn il-kummenti saru bħala tweġiba għal dak li qal Joseph Muscat, li meta sar Prim Ministru ma sab l-ebda rigali, wisq lanqas reġistru f’xi residenza statali jew fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja. Muscat, li jinsab fuq btala mal-familja tiegħu f’Dubaj, kien qed iwieġeb mistoqsijiet fuq One Radio.

X’kien isir fi żmien Fenech Adami?

L-istess sorsi qalu li waqt it-termini ta’ Fenech Adami bħala Prim Ministru “ma konniex nirrakkomandaw l-għoti ta’ Rigali Statali lill-Prim Ministru, imma lill-President biss. Rigali lill-Prim Ministru mill-kapijiet tal-istat u Prim Ministri fil-perjodi 1987-1996 u 1998-2004, kienu ġeneralment għotjiet personali bħal kotba u ritratti f’inkwatri, b’valur limitat”.

Żied jgħid li “anke f’dan il-kuntest, meta rigal kien jiswa iktar minn ċertu ammont, kien jiġi inkluż fl-inventarju f’Kastilja, li kien jinkludi ornament kbir tal-fidda li ngħata mill-President Taljan”.

Newsbook.com.mt huwa infurmat ukoll li l-parti l-kbira tal-pitturi fil-Girgenti kienu rigali għall-kollezzjoni tal-Palazz u ġew miżjuda mal-Inventarju tal-Girgenti – kien hemm formula fuq wara tat-tpinġija li kienet tindika ta’ min kien ir-rigal”.

X’kien isir meta Gonzi kien Prim Ministru?

Sors qrib l-amministrazzjoni ta’ Lawrence Gonzi qal lil Newsbook.com.mt li l-prassi li kienu jsegwu kienet simili għal dik ta’ Fenech Adami. Dan is-sit huwa infurmat li kienu jiġu rreġistrati kemm ir-rigali li ngħataw lill-Prim Ministru kif ukoll dawk li kien jagħti l-Prim Ministru. Kull rigal li wasal kien jiġi mmarkat bi sticker li kienet tindika s-sors u l-okkażjoni, filwaqt li r-rigali li ngħataw mill-Prim Ministru kienu jiġu rreġistrati b’mod li jindikaw l-okkażjoni u l-persuna li tkun ingħatat ir-rigal.

Ir-reġistru tar-rigali kien jinżamm mis-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Is-sors qal li r-rigali li kien jirċievi l-Prim Ministru kienu jibqgħu proprjetà tal-Istat fil-Berġa ta’ Kastilja, fil-Palazz tal-Girgenti jew f’Villa Francia. Ir-reġistru tar-rigali mogħtija mill-Prim Ministru kien jinkludi wkoll l-ammont ta’ rigali li ma ntużawx fi tmiem il-leġiżlatura ta’ Dr Gonzi.

X’qal u njora Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu dejjem aġixxa b’mod ġust u li kull meta nagħtawlu rigali li jiswew il-flus kien jibgħathom lura. Żied jgħid li meta ma kienx possibbli kien jagħtihom donazzjoni lill-Istat.

Muscat kien qed jirreaġixxi għar-rapporti li Yorgen Fenech tah żewġ arloġġi li jiswew il-flus, wieħed minnhom tad-ditta Bvlgari li jiswa €20,000 u tlett fliexken inbid li jiswew madwar €6,000.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru jistaqsi għaliex ma kienx possibbli li jibgħat lura ż-żewġ arloġġi u t-tlett fliexken tal-inbid.

L-intervista bit-telefown fuq One saret wara li tħabbar li l-Prim Ministru Muscat ġie vvutat bħala l-Persuna tas-Sena għall-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Dan il-premju sar mill-OCCRP, l-Organised Crime and Corruption Reporting Project.

Muscat ma rrefera bl-ebda mod dwar dan il-premju.