“Ir-riforma fil-migrazzjoni għandu jkollha l-prinċipju tas-solidarjetà”

Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela, qal  li l-pedament fir-riforma tas-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropew, għandha tkun is-sistema reveduta ta’ Dublin li tinkorpora prinċipju ta’ solidarjetà tal-Unjoni Ewropea.
Meta kien qed jindirizza laqgħa tal-Ministri tal-Intern tal-UE fil-Lussemburgu, il-Ministru Abela irrefera għal pjani li jipprevedu tibdil radikali tas-sistema ta’ Dublin attwali.
Il-Ministru Abela qal li “finalment l-għan huwa soluzzjoni li tassigura tqassim ġust ta’ responsabbiltà fuq kull Stat Membru”.
Il-Ministru stqarr li reviżjoni tas-sistema ta’ Dublin hija meħtieġa mill-aktar fis possibbli u li Malta se tipprijoritizza l-ħidma għar-reviżjoni matul il-Presidenza tagħha tal-Kunsill tal-UE fl-2017.
Abela enfasizza wkoll ir-riskju mill-ġdid ta’ mewġa ta’ immigrazzjoni fil-Mediterran kemm bħala riżultat tal-ftehim bejn l-UE u t-Turkija li għalaq ir-rotta tal-Balkani, kif ukoll minħabba l-kundizzjoni tajba tat-temp. 
Stqarr li l-istess impenn politiku huwa meħtieġ b’urġenza fuq rotot tal-mediterran, inkluż l-implimentazzjoni tal-‘Valletta Action Plan’ u l-ġlieda kontra l-kuntrabandisti, sabiex tkun evitata kriżi ġdida, li nuqqas ta’ azzjoni biss se jwassal għal telf iktar inaċċettabbli ta’ ħajja.