Ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 fl-Ingilterra jistgħu jiżdiedu – Johnson

UK Parliament

Read in English.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson wissa li l-miżuri kontra l-imxija tal-Covid-19 fl-Ingilterra jistgħu jiħraxu fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif il-pajjiż qed jirraporta numru rekord ta’ każijiet.

Ir-restrizzjonijiet fil-pajjiżi l-oħra li jagħmlu parti mir-Renju Unit – l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq – jiġu deċiżi mill-gvernijiet reġjonali, però dawk fl-Ingilterra jiġu deċiżi mill-gvern ċentrali.

F’intervista fuq il-BBC, Johnson qal li l-ġenituri għandhom jibagħtu t-tfal tagħħom fl-iskejjel primarji minn nhar it-Tnejn, u nsista li ma kienx hemm periklu f’dan.

Però qal ukoll li miżuri aktar b’saħħithom jaf ikunu bżonnjużi fil-ġimgħat li ġejjin, u li l-gvern kellu jkun realistiku fuq l-imxija tal-varjant il-ġdid tal-Covid-19. Studju li sar mill-Imperial College ta’ Londra juri li l-varjant għolla l-“R Factor” – li jindika kemm qed jinfirex malajr il-virus – b’mod konsiderevoli.

Fl-istess ħin, Johnson innota li l-vaċċini jistgħu joffru soluzzjoni, u qal li jittama li għexieren ta’ miljuni jiġu mlaqqma fit-3 xhur li ġejjin.