Ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-massa estiżi għall-bars u l-klabbs

Read in English.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-massa ġew estiżi għall-bars, il-klabbs u d-diskoteki permezz ta’ avviż legali maħruġ illum, sabiex titrażżan l-imxija tal-coronavirus.

L-Avviż Legali 329 jemenda r-regolamenti li ġew introdotti l-ġimgħa li għaddiet. Din l-emenda issa tispeċifika li l-bars, il-klabbs u d-diskoteki huma suġġetti għall-istess regoli imposti fuq l-attivitajiet tal-massa.

Min jikser dawn ir-regoli jeħel multa ta’ €3,000.

Dawn ir-regolamenti jillimitaw l-għadd ta’ persuni għal 100 fuq ġewwa u 300 fuq barra. Fil-post għandu jkun hemm massimu ta’ persuna kull erba’ metri kwadri.

Dawk li jkunu ġol-bars jew klabbs ma jistgħux ikunu fi gruppi ta’ aktar minn 10 persuni u jridu jżommu distanza ta’ żewġ metri bejn xulxin.

Nhar l-Erbgħa, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħabbret li 12-il stabbiliment inqabdu jiksru l-protokolli tal-Covid-19. Għandha tittieħed azzjoni legali kontrihom.